12.1.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 9/26
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2012 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09 — Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-403/12 P)
2013/C 9/44
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Oliver, J. P. Keppenne, G. Valero Jordana, P. van Nuffel)
Partijiet oħra fil-proċedura: Vereniging Milieudefensie, Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09;
—
tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża u tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6121;
—
tikkundanna lir-rikorrenti fil-Kawża T-396/09 għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni f’din il-kawża u fil-kawża msemmija.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell jikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2011, C-240/09, tistaħħrep il-validità tal-Artikolu 10(1) flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1) fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus (2).
Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji.
Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, minkejja li identifikat b’mod korrett il-kundizzjonijiet stretti li fihom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, individwi jistgħu jinvokaw dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet internazzjonali sabiex jikkontestaw il-validità ta’ atti legali tal-Unjoni (jiġifieri, li tali stħarriġ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni huwa possibbli biss meta n-natura u l-istruttura ta’ din il-konvenzjoni ma tipprekludix dan u meta d-dispożizzjonijiet invokati jidhru, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, mingħajr kundizjzonijiet u preċiżi biżżejjed), iddeċidiet b’mod żbaljat li l-eċċezzjoni għal dawn il-kundizzjonijiet, li tirriżulta mill-ġurisprudenza magħrufa bħal Fediol u Nakajima (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1989, 70/87, u tas-7 ta’ Mejju 1991, C-69/89), tapplika wkoll fir-rigward tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus.
Il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-240/09, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus ma għandux effett dirett. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza Fediol u Nakajima, sa fejn tikkostitwixxi eċċezzjoni, għandha tiġi interpretata b’mod strett; sa issa din il-ġurisprudenza ġiet applikata biss fil-kuntest tal-politika kummerċjali u tista’ tiġi applikata għal oqsma oħra biss jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali applikazzjoni jkunu ssodisfatti b’mod ċar, li ma huwiex il-każ hawnhekk. L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 la jagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet legali tal-Konvenzjoni ta’ Århus u lanqas ma jimplementa obbligu partikolari li jirriżulta minn din il-konvenzjonif is-sens tal-ġurisprudenza Nakajima. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus ma huwiex ċar u preċiż biżżejjed sabiex tkun tista’ tapplika l-eċċezzjoni prevista mill-ġurisprudenza Nakajima.
Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus b’mod żbaljat sa fejn iddeċidiet li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jikser din id-dispożizzjoni għas-sempliċi raġuni li l-proċedura ta’ reviżjoni prevista f’dan l-Artikolu 10 hija limitata għal miżuri ta’ portata individwali, meta l-Qorti Ġenerali kien imissha evalwat jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus kienx implementat suffiċjentement permezz tat-totalità tar-rimedji legali li għandhom l-individwi fuq il-livell nazzjonali u fuq il-livell tal-Unjoni.
(1) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).
(2) Konvenzjoni ta’ Århus, tal-25 ta’ Ġunju 1998, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).
Full & Egal Universal Law Academy