24.11.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 366/24
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru
(Kawża C-412/12)
2012/C 366/43
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Zavvos, aġent, D. Düsterhaus, aġent)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Ċipru
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li r-Repubblika ta’ Ċipru naqset millli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (1), tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], peress li s-siti kollha ta’ eliminazzjoni mhux ikkontrollata tal-iskart li kienu qegħdin joperaw fit-territorju Ċiprijott ma ngħalqux jew saru konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva;
—
tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
—
Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE, it-terrafermi eżistenti li fil-mument tat-traspożizzjoni tad-direttiva fid-dritt nazzjonali kienu diġà qegħdin joperaw jistgħu jkomplu jiffunzjonaw biss jekk il-miżuri meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ewropea ittieħdu sas-16 ta’ Lulju 2009; inkella, huma għandhom jingħalqu.
—
L-awtoritajiet Ċiprijotti stess irrikonoxxew li, mill-115-il sit ta’ eliminazzjoni mhux ikkontrollata tal-iskart (li, minħabba n-natura “mhux ikkontrollata” tal-eliminazzjoni u tal-ġestjoni tal-iskart, ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE, u b’hekk ma jistgħux ikomplu jiffunzjonaw) li qabel kienu joperaw fit-territorju Ċiprijott, tnejn għadhom joperaw fil-provinċji ta’ Nikosija u ta’ Limassol u ma humiex qegħdin jistennew li se jingħalqu qabel nofs l-2015 jew il-bidu tal-2016.
—
Huwa nnutat li kien hemm xi titjib fil-ġestjoni tal-iskart fit-territorju Ċiprijott, titjib li madankollu seħħ b’dewmien kbir, peress li, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE, il-miżuri meħtieġa kellhom jittieħdu sa mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2009 u, minkejja dan, kif l-awtoritajiet Ċiprijotti jammettu, żewġ siti ta’ eliminazzjoni mhux ikkontrollata tal-iskart għadhom jiffunzjonaw mingħajr kontroll, u għalhekk, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva għadu jseħħ u ma hemmx stennija li dan se jieqaf qabel it-tliet snin li ġejjin.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228.
Full & Egal Universal Law Academy