1.12.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 373/2
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2012 mir-Renju tad-Danimarka mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) mogħtija fit-3 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża T-212/09, Ir-Renju tad-Danimarka vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-417/12 P)
2012/C 373/02
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Appellant: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: V. Pasternak Jørgensen, aġent, u P. Biering u J. Pinborg, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
Prinċipalment:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl-intier tagħha jew parti minnha;
—
tilqa’ t-talbiet imressqa mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali;
Sussidjarjament:
—
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal smigħ u sentenza mill-ġdid.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikkonċerna r-reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Marzu 2009, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), sa fejn din teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq imġarrab mir-Renju tad-Danimarka fl-ammont ta’ DKK 749 miljun fir-rigward tas-serħan ta’ artijiet.
(2)
Fl-ewwel lok, il-Gvern Daniż isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk il-kontroll b’remote sensing Daniż kienx effettiv biżżejjed, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-effettività ta’ kontroll b’remote sensing setgħet tiġi evalwata billi jsir paragun mal-kontroll bil-GPS li sar mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni waqt l-ispezzjonijiet tagħhom fid-Danimarka.
(3)
Fit-tieni lok, il-Gvern Daniż isostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-bażi legali rilevanti hija żbaljata f’diversi punti, inkluż f’dak li jirrigwardja jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni tistax tinżamm fis-seħħ anki jekk hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ regola li hija fundamentali għad-deċiżjoni, b’mod partikolari l-interpretazzjoni tar-rekwiżit li l-artijiet jibqgħu miżmuma skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999.
(4)
Fit-tielet lok, il-Gvern Daniż isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-oneru tal-prova u tal-livell tal-prova applikati għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri rispettivament, billi l-Qorti Ġenerali ssostni li l-Kummissjoni, li wettqet l-ispezzjonijiet wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ serħan, tista’ tinvoka l-oneru tal-prova tagħha billi tibbaża l-preżunzjonijiet tagħha fuq iċ-ċirkustanza li l-fatti stabbiliti kienu preżenti wkoll matul il-perijodu ta’ serħan, u sa fejn il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-oneru tad-Danimarka taħt il-FAEGG jimplika li l-prova trid tingħata għaż-żoni mserrħa kollha fid-Danimarka u mhux biss għaż-żoni spezzjonati mill-Kummissjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali introduċiet livell ta’ prova ġdid ifformulat b’mod ġenerali għall-Istati Membri, li jitbiegħed mill-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jimponi fuq l-Istati Membri livell ta’ prova li fil-prattika huwa impossibbli li jintlaħaq.
(5)
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji, il-Qorti Ġenerali naqset li teżamina jekk il-kundizzjonijiet rilevanti ġewx issodisfatti, inkluż jekk kienx hemm ksur ta’ regoli espliċiti tal-UE, liema fatt il-Gvern Daniż kien ikkontestat espressament waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.
(6)
Fil-ħames lok, fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ir-raġunijiet tagħha stess għar-raġunijiet oriġinali tal-Kummissjoni. Għalhekk, ir-raġunijiet tal-Qorti Ġenerali li jissostanzjaw id-deċiżjoni kienu bbażati fuq ċirkustanzi oħra — kwantitativi u kwalitativi — kompletament irrelevanti minn dawk li fuqhom il-Kummissjoni kienet tefgħet ċertu piż deċiżiv għad-deċiżjoni. Konsegwentement, il-Gvern Daniż isostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(7)
Fl-aħħarnett u fis-sitt lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar numru ta’ motivi u provi mressqa mill-Gvern Daniż; f’diversi punti, l-argumenti tal-Gvern Daniż kif ukoll il-fatti ġew riprodotti b’mod żbaljat, bir-riżultat li l-motivazzjoni u d-dispożittiv tas-sentenza jistrieħu fuq bażi żbaljata kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi.
Full & Egal Universal Law Academy