8.12.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 379/15
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-428/12)
2012/C 379/26
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Galindo Martin u G. Wilms, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet tar-rikorrenti
—
Tiddikjara li, meta stabbilixxa, fid-Digriet FOM734/2007, tal-20 ta’ Marzu, li jiddefinixxi r-regoli ta’ applikazzjoni tal-liġi li tirregola t-trasport fuq l-art fil-qasam ta’ liċenzji ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija, l-obbligu li, sabiex tinkiseb “liċenzja ta’ trasport privat addizzjonali ta’ merkanzija”, l-ewwel vettura tal-flotta ta’ impriża ma tkunx ilha iktar minn ħames xhur minn meta ġiet irreġistrata għall-ewwel darba, u billi ma ġġustifikax dan l-obbligu, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 34 u36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-obbligu li, sabiex tinkiseb “liċenzja ta’ trasport privat addizzjonali ta’ merkanzija”, l-ewwel vettura tal-flotta ta’ impriża ma tkunx ilha iktar minn ħames xhur minn mindu ġiet irreġistrata għall-ewwel darba jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, li tmur kontra l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din ir-restrizzjoni la hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE u lanqas minħabba rekwiżit imperattiv.
F’dak li jkkonċerna l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, id-dispożizzjoni inkwistjoni tirrestrinġi, fil-prattika, l-importazzjoni ta’ vetturi diġà rreġistrati fi Stati Membri oħra b’mod iktar sinjifikattiv minn akkwisti ta’ vetturi rreġistrati fi Spanja. Min-naħa l-oħra, peress li l-vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra jissodisfaw diġà r-rekwiżiti tekniċi Ewropew u/jew nazzjonali sabiex jiċċaqilqu fl-Istat Membru ta’ oriġini, id-dispożizzjoni tikser il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, peress li vettura li hija kkunsidrata li tista’ tiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor għandha wkoll tkun tista’ tagħmel dan fi Spanja. Il-miżura tikkostitwixxi, minbarra dan, restrizzjoni ta’ użu bħal dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenzi tagħha tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-110/05, Ġabra p. I-519) u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C-142/05, Ġabra p. I-4273).
Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet invokati mir-Renju ta’ Spanja, jiġifieri s-sigurtà fit-triq u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex proporzjonali mal-għanijiet imfittxija u ma tikkontribwixxix għat-twettiq tagħhom b’mod koerenti u sistematiku.
Il-fatt li vettura tkun ġiet irreġistrata għall-ewwel darba iktar minn ħames xhur qabel la huwa indikazzjoni li ma hijiex teknikament adattata għat-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali u lanqas ma huwa indikazzjoni tal-effett tal-użu tagħha fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, kontroll tekniku jippermetti, tal-inqas sa ċertu punt, li jiġi ddeterminat l-istat tal-vettura fuq livell tekniku u jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva. Bl-istess mod, eżami tal-karatteristiċi tekniċi tal-vettura, eventwalment flimkien ma’ kontroll tekniku tagħha, għandu jippermetti li jiġi evalwat il-livell ta’ tniġġis magħmul minnha.
Min-naħa l-oħra, ma huwiex ċar għalfejn ir-Renju ta’ Spanja jistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ ħames xhur għall-ewwel vettura iżda jippermetti li vetturi oħra jingħaqdu mal-flotta mingħajr ebda restrizzjoni ħlief li dawn il-vetturi ma jkollhomx żmien iktar minn sitt snin.
Full & Egal Universal Law Academy