8.12.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 379/17
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-453/12)
2012/C 379/29
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, D. Martin, J.-P. Keppenne, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li billi ma adottax il-proposta tal-Kummissjoni dwar regolament tal-Kunsill li jaġġusta, sa mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rata ta’ kontribuzzjoni fl-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u taħt is-sistema ta’ fondi nazzjonali prevista fihom;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikoli 83 u 83a tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi rrifjuta li jadotta l-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni fejn qed jiġi propost aġġustament, sa mill-1 ta’ Lulju 2011, tar-rata ta’ kontribuzzjoni fl-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, minkejja li mit-termini mandatorji ta’ dawn l-artikoli jirriżulta li l-aġġustament annwali tal-imsemmija rata hija proċedura awtomatika li ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill.
Skont ir-rikorrenti, ir-rifjut tal-Kunsill li jadotta l-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni u, inċidentalment, li jaġġusta l-isfel ir-rata ta’ kontribuzzjoni tal-uffiċjali, jikser mhux biss l-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, billi jeżiġi kontribuzzjoni eċċessiva min-naħa tal-uffiċjali, iżda wkoll l-Artikolu 83a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li jkun qed jiġi pperikolat il-bilanċ tas-sistema ta’ fondi nazzjonali li tiggarantixxi il-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra.
Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, billi ddeċieda b’mod preċiż, fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-metodu tal-kalkolu tar-rata ta’ kontribuzzjoni tal-uffiċjali u tal-aġenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħalla ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill u jobbligah jadotta l-proposti tal-Kummissjoni f’terminu raġonevoli.
Full & Egal Universal Law Academy