8.12.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 379/18
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija
(Kawża C-462/12)
2012/C 379/30
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Braun u K. Talabér-Ritz, aġenti)
Konvenuta: L-Ungerija
Talbiet tar-rikorrenti
(1)
Tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 14 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)
—
meta obbligat il-ħlas ta’ taxxa speċjali, permezz tal-adozzjoni tal-Liġi Nru XCIV tal-2010, tat-taxxa speċjali imposta fuq setturi ta’ attività partikolari (az egyes ágazatokat terhelő különadóról szóló 2010. évi XCIV. törvény), fuq l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet suġġetti għal awtorizzazzjoni ġenerali u
—
meta ma nnotifikatx korrettament lill-persuni kkonċernati l-intenzjoni li tbiddel l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, id-drittijiet u l-kundizzjonijiet (l-użu u l-installazzjoni), u li ma pprovdietx lill-partijiet ikkonċernati terminu suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-bidliet proposti.
(2)
Tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Liġi Nru XCIV tal-2010, tat-taxxa speċjali imposta fuq setturi ta’ attività partikolari (az egyes ágazatokat terhelő különadóról szóló 2010. évi XCIV. törvény), stabbilixxiet ħlas ġdid, imsejjaħ taxxa speciali, impost fuq tliet setturi prinċipali tal-ekonomija Ungeriża — l-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut, l-attivitajiet ta’ telekomunikazzjonijiet u l-attivitajiet konġunti ta’ amministrazzjoni ta’ provvista ta’ enerġija —, li l-persuni kkonċernati għandhom iħallsu matul tliet snin konsekuttivi skont il-bażi ta’ volum ta’ negozju tagħhom qabel it-taxxa.
Insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tifformula l-motivi u allegazzjonijiet li ġejjin:
Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tindika li l-għan tagħha huwa t-twettiq ta’ suq intern ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tal-armonizzazzjoni u tas-simplifikazzjoni tal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni. Għal dan il-għan id-Direttiva tagħmel enfasi fuq id-determinazzjoni tal-leġiżlatur li l-iskemi ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma jostakolaw l-aċċess għas-swieq.
Id-Direttiva tistabbilixxi regoli relatati mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u mal-kontenut tal-awtorizzazzjonijiet kif ukoll man-natura u mal-portata ta’ piżijiet ekonomici li jistgħu jirriżultaw mill-imsemmija proċeduri. Skont l-Artikolu 12, il-ħlasijiet amministrattivi imposti fuq is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jkopru biss l-ispejjeż amministrattivi sostnuti fl-amministrazzjoni, fil-kontroll u fl-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, tad-drittijiet ta’ użu u ta’ ċerti obbligi speċifiċi, kif ukoll fil-ħidma regolatorja li jinvolvu l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġiżlazzjoni sekondarja u ta’ deċiżjonijiet amministrattivi.
Fir-rigward tat-taxxa speciali, is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jsostnu, minbarra l-ħlasijiet amministrattivi u l-ħlasijiet ta’ kontroll, piż pekunjarju ieħor li, madankollu, u bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva, ma huwiex iddestinat sabiex jiffinanzja l-ispejjeż amministrattivi relatati mal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, iżda li huwa intiż sabiex ikopri spejjeż tal-baġit nazzjonali tal-Istat Ungeriż.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-taxxa speċjali hekk miġbura għandha n-natura ta’ piż fuq is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni ġenerali, iżżid sinjifikattivament il-piż pekunjarju li għandhom iħallsu dawk li jipprovdu dan is-servizz, tostakola l-moviment liberu ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijet u għandha bħala għan il-finanzjar ta’ spejjeż mhux permessi mid-Direttiva, li, bħala tali, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 12 tagħha.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija ma infurmatx b’mod xieraq lill-persuni kkonċernati bl-intenzjoni tagħha li tbiddel l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet u l-kundizzjonijiet (tal-użu u ta’ installazzjoni) u lanqas ma allokat terminu suffiċjenti sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-bidliet proposti. Fid-dawl ta’ dan, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva.
Full & Egal Universal Law Academy