22.12.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fis-16 ta’ Ottubru 2012 — Copydan Båndkopi vs Nokia Danmark A/S
(Kawża C-463/12)
2012/C 399/23
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Østre Landsret.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Copydan Båndkopi.
Konvenuta: Nokia Danmark A/S.
Domandi preliminari
(1)
Huwa kompatibbli mad-Direttiva 2001/29/KE (1) li liġi nazzjonali tipprovdi għall-kumpens tad-detenturi tad-drittijiet f’każ ta’ riproduzzjoni mwettqa permezz tal-użu ta’ wieħed mis-sorsi segwenti:
(a)
fajlijiet li l-użu tagħhom huwa awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet u li għalihom il-klijent ħallas tariffa (kontenut liċenzjat li joriġina, per eżempju, minn ħwienet on-line);
(b)
fajlijiet li l-użu tagħhom huwa awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet u li għalihom il-klijent ma ħallasx tariffa (kontenut liċenzjat, per eżempju fil-kuntest ta’ offerti kummerċjali);
(c)
DVD, CD, apparat li jdoqq fajlijet MP3 (MP3 Media Player), kompjuter, eċċ, tal-utent, mingħajr użu ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi;
(d)
DVD, CD, apparat li jdoqq fajlijiet MP3, kompjuter, eċċ, tal-utent, b’użu ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi;
(e)
DVD, CD, apparat li jdoqq fajlijet MP3, kompjuter jew apparat ieħor ta’ terz;
(f)
xogħolijiet ikkopjati illegalment permezz tal-internet jew ta’ sorsi oħra;
(g)
fajlijiet ikkopjati legalment permezz ta’ mezz ieħor, pereżempju permezz tal-internet (permezz ta’ sorsi legali, mingħajr liċenzja).
(2)
Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-kumpens ġust (ara l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva) kif għandha tieħu inkunsiderazzjoni miżuri teknoloġiċi effettivi (Artikolu 6 tad-Direttiva)?
(3)
Fid-determinazzjoni tal-kumpens għall-ikkoppjar għal użu privat (ara l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva), xi tfisser l-espressjoni “ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu”, li tinsab fil-premessa 35 tagħha, li jkollhom bħala konsegwenza li l-fatt li l-Istati Membri jkollhom leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li tipprovdi għall-kumpens tad-detenturi tad-drittijiet għal tali kopji għal użu privat (ara l-istħarriġ li jsir riferiment għalih fil-parti 2), ma jkunx kompatibbli mad-Direttiva?
(4)
(a)
Jekk jiġi ammess li l-funzjoni ewlenija jew prinċipali tal-karti tal-memorja tat-telefoni ċellulari ma hijiex li sservi għall-ikkopjar għal użu privat, huwa allura kompatibbli mad-Direttiva li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal kumpens għad-detenturi tad-drittijiet għall-ikkopjar fuq karti tal-memorja ta’ telefoni ċellulari.
(b)
Jekk jiġi ammess li l-ikkopjar għal użu privat huwa wieħed mill-funzjonijiet ewlenija jew prinċipali tal-karti tal-memorja tat-telefoni ċellulari, huwa kompatibbli mad-Direttiva li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal kumpens għad-detenutri tad-drittijiet għall-ikkopjar fuq il-karti tal-memorja tat-telefoni ċellulari?
(5)
Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal ħlas fuq il-karti tal-memorja, filwaqt li ebda ħlas ma huwa meħtieġ għal memorji interni bħal apparti li jdoqqu fajlijiet MP3 jew iPods, li huma intiżi u prinċipalment użati għall-ħażna ta’ kopji għal użu privat huwa kompatibbli mal-espressjoni “bilanċ ġust”, li tinsab fil-premessa 31 tad-Direttiva, u mal-interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “kumpens ġust” tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha, li għadu jkun ibbażat fuq il-“preġudizzju”?
(6)
(a)
Id-Direttiva tipprekludi li Stat Membru jkollu leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-manifattur u/jew l-importatur, li jbiegħ karti tal-memorja lil professjonisti li min-naħa tagħhom ibiegħawhom kemm lil individwi kif ukoll lil professjonisti, mingħajr mal-manifattur u/jew l-importatur ma jkun jaf jekk dawn il-karti tal-memorja humiex mibjugħa lil individwi jew lil professjonisti, huwa obbligat iħallas tariffa għall-ikkopjar għal użu privat?
(b)
Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur ma għandux iħallas tariffa fuq il-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur li xorta waħda ħallas it-tariffa jista’ jitlob ir-rimbors ta’ dik it-tariffa li tikkonċerna l-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, u li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur jista’ jbiegħ karti tal-memorja lil impriżi oħra rreġistrati mal-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, jaffettwa r-rispsosta għad-domanda 6(a)?
(c)
Ir-risposta għad-domanda 6(a) jew (b) tkun differenti:
(i)
jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur ma għandux iħallas tariffa fuq il-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, iżda fejn il-kunċett ta’ “użu għal finijiet professjonali” huwa interpretat bħala li jagħti dritt għal tnaqqis applikabbli biss fir-rigward tal-impriżi approvati minn Copydan, filwaqt li t-tariffa għandha titħallas għall-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali minn klijenti professjonali mhux approvati minn Copydan;
(ii)
jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li, jekk il-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur xorta waħda ħallas (teoretikament) it-tariffa, din tista’ tiġi rrimborsata fir-rigward tal-karti tal-memorja safejn dawn huma użati għal finijiet professjonali, iżda fejn:
—
fil-fatt, biss ix-xerrej tal-karta tal-memorja jista’ jikseb ir-rimbors, u
—
ix-xerrej tal-karta tal-memorja għandu jitlob lil Copydan ir-rimbors tat-tariffa;
(iii)
jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur jista’ jbiegħ, mingħajr ma jħallas it-tariffa, karti tal-memorja lil impriżi oħra rreġistrati mal-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, iżda:
—
Copydan hija l-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, u
—
l-impriżi rreġistrati ma jafux jekk il-karti tal-memorja humiex mibjugħa lil individwi jew lil professjonisti?
(1) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 230).
Full & Egal Universal Law Academy