12.1.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 9/31
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fis-17 ta’ Ottubru 2012 — ATP PensionService A/S vs Skatteministeriet
(Kawża C-464/12)
2013/C 9/52
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Østre Landsret.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: ATP PensionService A/S.
Konvenuta: Skatteministeriet.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1997, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fondi ta’ pensjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandhom il-karatteristiċi segwenti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri” meta l-Istat Membru jqis bħala fondi speċjali ta’ investiment il-korpi msemmija fil-punt 2 tad-deċiżjoni tar-rinviju:
(a)
il-qligħ riċevut mill-impjegat (l-imsieħeb) jiddependi mill-qligħ mill-investimenti mwettqa mill-fond ta’ pensjoni,
(b)
il-persuna li timpjega ma hijiex obbligata tħallas kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali sabiex l-imsieħeb jiġi ggarantit qligħ iddeterminat,
(c)
il-fond ta’ pensjoni jinvesti t-tfaddil b’mod kollettiv skont il-prinċipju tat-tqassim tar-riskji,
(d)
il-parti l-kbira tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa lill-fond ta’ pensjoni tirriżulta minn ftehim kollettivi bejn l-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw u s-sindakati (imsieħba soċjali) li jirrappreżentaw lill-impjegati differenti u lill-persuni li jimpjegaw u mhux minn ftehim konklużi fuq il-bażi individwali mal-impjegati,
(e)
l-impjegat jista’ jiddeċiedi fuq bażi individwali li jħallas kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali lill-fond ta’ pensjoni,
(f)
il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jimpjegaw u l-membri tat-tmexxija jistgħu jagħżlu li jħallsu kontribuzzjonijiet lill-fond ta’ pensjoni,
(g)
parti ddefinita minn qabel tat-tfaddil għall-pensjoni tal-impjegati li hija s-suġġett tal-ftehim kollettiv hija użata biex jinxtara vitalizju,
(h)
l-ispejjeż tal-fond ta’ pensjoni jitħallsu mill-imsieħba tiegħu,
(i)
il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-fond ta’ pensjoni huma eżenti, sa ċerti limiti abbażi tal-valur, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul,
(j)
il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lil pjan ta’ tfaddil għall-pensjoni individwali, b’mod partikolari dak miftuħ ma’ stabbiliment finanzjarju, li l-fondi tiegħu jistgħu jiġu investiti f’fondi speċjali ta’ investiment, huma eżenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul bl-istess mod bħal f’(i),
(k)
id-dritt għall-eżenzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija f’(i) jikkorrispondi għat-tassazzjoni tal-pagamenti lill-imsieħba,
(l)
it-tfaddil għandu bħala regola ġenerali jingħata lura wara li tintlaħaq l-età tal-pensjoni?
(2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “maniġġjar” ikopri provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?
(3)
Provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda kontribuzzjonijiet lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju) għandha titqies, abbażi tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva, bħala provvista ta’ servizzi waħda jew bħala diversi provvisti distinti li għandhom jiġu evalwati b’mod indipendenti?
(4)
L-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġu interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni għat-tranżazzjonijiet relatati ma’ pagamenti jew ma’ trasferimenti tapplika għal provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda kontribuzzjonijiet finanzjarji lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?
(5)
Fil-każ ta’ risposta negattiva għar-raba’ domanda, l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni għat-tranżazzjonijiet relatati mad-depożiti ta’ fondi jew mal-kontijiet kurrenti, tapplika għal provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet finanzjarji lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.
Full & Egal Universal Law Academy