2.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-25 ta’ Ottubru 2012 — H. Gautzsch Großhandel GmbH & Co. KG vs Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH
(Kawża C-479/12)
2013/C 32/03
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Konvenuta fl-ewwel istanza u rikorrenti fir-“Reviżjoni”: H. Gautzsch Großhandel GmbH & Co. KG
Rikorrenti fl-ewwel istanza u konvenuta fir-“Reviżjoni”: Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn jista’, fil-kors normali tan-negozju, ikun magħruf b’mod raġonevoli miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jopera fl-Unjoni, jekk rappreżentazzjonijiet ta’ dan id-disinn kienu tqassmu lin-negozjanti?
(2)
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn, minkejja li dan ikun ġie żvelat lil terzi mingħajr il-kundjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità, ma jistax, fil-kors normali tan-negozju, ikun magħruf b’mod raġonevoli miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat jekk
(a)
kien żvelat biss lil impriża waħda fis-settur, jew
(b)
kien żvelat f’bini ta’ impriża użat għall-wirjiet li jinsab fiċ-Ċina, jiġifieri barra minn dak li huwa normalment il-kamp ta’ osservazzjoni tas-suq?
(3)
(a)
L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa l-proprjetarju ta’ disinn mhux irreġistrat li għandu l-oneru tal-prova li l-użu kkontestat jirriżulta f’kopja tad-disinn protett?
(b)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3(a):
L-oneru tal-prova jinqaleb meta l-proprjetarju tad-disinn mhux irreġistrat jibbenefika minn tnaqqis fl-oneru tal-prova, fil-każ fejn hemm xebh sinjifikattiv bejn id-disinn u l-użu kkontestat?
(4)
(a)
Id-dritt li tinkiseb inġunzjoni li tipprojbixxi ksur ulterjuri ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat previst fl-Artikolu 19(2) kif ukoll fl-Artikolu 89(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, huwa suġġett għall-preskrizzjoni?
(b)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 4(a):
Il-preskrizzjoni hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, minn liema dispożizzjoni?
(5)
(a)
Id-dritt li tinkiseb inġunzjoni li tipprojbixxi ksur ulterjuri ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat previst fl-Artikolu 19(2) kif ukoll fl-Artikolu 89(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, huwa suġġett għad-dekadenza?
(b)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 5(a):
Id-dekadenza hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, minn liema dispożizzjoni?
(6)
L-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li talbiet għall-qerda, għall-iżvelar u għad-danni minħabba fi ksur ta’ dritt ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, li jitressqu fir-rigward tal-Unjoni kollha huma suġġetti għal-liġi tal-Istati Membri fejn iseħħ il-ksur?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).
Full & Egal Universal Law Academy