26.1.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 26/25
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (l-Italja) fis-7 ta’ Novembru 2012 — Davide Gullotta, Farmacia di Gullotta Davide & C. Sas vs Ministero della Salute, Azienda Sanitaria Provinciale di Catania
(Kawża C-497/12)
2013/C 26/49
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Davide Gullotta, Farmacia di Gullotta Davide & C. Sas
Konvenuti: Ministero della Salute, Azienda Sanitaria Provinciale di Catania
Domandi preliminari
(1)
Il-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 49 et seq TFUE, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżjar, ikkwalifikat u rreġistrat mal-assoċjazzjoni professjonali rilevanti iżda li ma huwiex proprjetarju ta’ spiżerija inkluż fil-pianta organica (mappa tal-ispiżeriji), milli jiddistribwixxi bl-imnut fil-para-spiżerija li tagħha huwa proprjetarju, anki dawk il-prodotti mediċinali suġġetti għal riċetta medika fuq “ricetta bianca”, jiġifieri mediċini li ma jiġux addebitati lis-Servizio Sanitario Nazionale u li jitħallsu kompletament mix-xerrej, u li tistabbilixxi anki f’dan il-qasam projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti farmaċewtiċi u kwota numerika ta’ negozji li jistgħu jiġu stabbiliti fit-territorju nazzjonali?
(2)
L-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju stabbilit fih japplika mingħajr restrizzjoni anki għall-professjoni ta’ spiżjar, mingħajr ma n-natura ta’ interess pubbliku ta’ din il-professjoni ma tiġġustifika l-eżistenza ta’ sistemi differenti bejn spiżjara proprjetarji ta’ spiżeriji u spiżjara proprjetarji ta’ para-spiżeriji fir-rigward tal-bejgħ tal-prodotti mediċinali msemmija fil-punt 1) iktar ’il fuq?
(3)
L-Artikoli 102 u 106 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti hija applikabbli mingħajr restrizzjoni għall-professjoni ta’ spiżjar, sa fejn l-ispiżjar proprjetarju ta’ spiżerija tradizzjonali, li jbiegħ prodotti mediċinali skont ftehim konkluż mas-Servizio Sanitario Nazionale jieħu vantaġġ mill-projbizzjoni, għall-proprjetarji ta’ para-spiżeriji, li jbiegħu il-prodotti mediċinali tal-kategorija C, mingħajr ma dan ma huwa ġġustifikat mill-karatteristiċi ċari tal-professjoni ta’ spiżjar li jirriżultaw min-natura ta’ interess pubbliku tal-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini?
Full & Egal Universal Law Academy