26.1.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 26/29
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fit-8 ta’ Novembru 2012 — Uwe Schönefeld vs Land Berlin
(Kawża C-504/12)
2013/C 26/56
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Berlin
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Uwe Schönefeld
Konvenut: Land Berlin
Domandi preliminari
(1)
Id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew, f’dan il-każ b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78/KE (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi projbizzjoni komprensiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età li tkopri wkoll regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali ta’ Land?
(2)
Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew twassal sabiex dispożizzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fil-mument li jinħatar bħala uffiċjal permanenti fis-servizz pubbliku jiddependi fil-parti l-kbira tiegħu mill-età tiegħu u li dan l-ammont sussegwentement jiżdied prinċipalment fuq il-bażi tat-tul tas-servizz tiegħu fis-servizz pubbliku, tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età?
(3)
Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi li tali dispożizzjoni nazzjonali tiġi ġġustifikata permezz tal-għan leġiżlattiv li tiġi rikonoxxuta l-esperjenza professjonali?
(4)
Fil-każ li d-domandi preċedenti jingħataw risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew twassal sabiex liġi tranżitorja, li tipprevedi li l-uffiċjali eżistenti jitqiegħdu fi grad tas-sistema l-ġdida fuq il-bażi biss tal-ammont tas-salarju bażiku li kienu jirċievu taħt il-liġi preċedenti (u diskriminatorja) dwar ir-remunerazzjoni fid-data tat-tranżizzjoni, u li tipprovdi li l-progress sussegwenti għal gradi ogħla ser ikun ikkalkolat biss fuq il-bażi tal-perijodi ta’ esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi tranżitorja, irrispettivament mill-perijodu ta’ esperjenza konkretament miksub mill-uffiċjali, titqies bħala estenzjoni tad-diskriminazzjoni eżistenti bbażata fuq l-età, diskriminazzjoni li tippersisti sakemm jintlaħaq l-ogħla livell ta’ salarju f’kull każ individwali?
(5)
Fil-każ li anki r-raba’ domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi li din l-inugwaljanza bla limiti u kontinwa fit-trattament tiġi ġġustifikata permezz tal-għan leġiżlattiv li l-liġi tranżitorja ma hijiex intiża li tipproteġi (biss) id-drittijiet kweżiti eżistenti fid-data tat-tranżizzjoni iżda (anki) l-aspettattivi fir-rigward tad-dħul matul il-ħajja professjonali kollha fil-grad ta’ salarju rispettiv li kien mistenni li jitħallas taħt il-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni?
Id-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-uffiċjali eżistenti tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-fatt li l-alternattiva leġiżlattiva (assenjazzjoni individwali anki ta’ uffiċjali eżistenti fuq il-bażi tal-perijodi ta’ esperjenza) tinvolvi żieda fin-nefqa amministrattiva?
(6)
Fil-każ li fir-risposta għar-raba’ domanda tiġi miċħuda ġustifikazzjoni: l-interpretazzjoni tad-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tippermetti, sakemm jiġi implementat dritt għal remunerazzjoni li ma jimplikax diskriminazzjoni fir-rigward ukoll tal-uffiċjali eżistenti, konsegwenzi legali oħra apparti l-għoti ta’ remunerazzjoni retroattivament u kontinwament lill-uffiċjali eżistenti skont l-ogħla livell ta’ salarju fil-grad ta’ salarju tagħhom?
Il-konsegwenza legali tal-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tirriżulta direttament mid-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew, f’dan il-każ b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/78/KE, jew jista’ jkun hemm pretensjoni biss minħabba implementazzjoni inkorretta tar-rekwiżiti legali Ewropej, inkonformità mar-responsabbiltà tal-Istat skont id-dritt tal-Unjoni?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).
Full & Egal Universal Law Academy