26.1.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 26/35
Appell ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2012 minn Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon AE mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-13 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-369/11: Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon AE vs Il-Kummissjoni Ewropea, Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fit-Turkija, Central Finance & Contracts Unit (CFCU)
(Kawża C-520/12 P)
2013/C 26/66
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon AE (rappreżentant: A. Krystallidis, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fit-Turkija, Central Finance & Contracts Unit (CFCU)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-digriet appellat;
—
tiddikjara r-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ammissibbli;
—
tiddeċiedi l-kawża u tirrimedja d-danni kkawżati lill-appellanti b’konsegwenza tad-deċiżjoni illegali tal-appellata tal-5 ta’ April 2011 meħuda mid-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija u rċevuta mill-appellanti fis-6 ta’ April 2011, dwar il-kanċellazzjoni tal-għoti tal-kuntratt “Tkabbir tan-network Tork-Ewropew ta’ Ċentri ta’ Negozji f’Sivas, f’Antakya, f’Batman u f’Van” — Europe Aid/128621/D/SET/TR lill-konsorzju “DIADIKASIA BUSINESS CONSULTANTS S.A. (GR) — WYG INTERNATIONAL LTD (UK) — DELEEUW INTERNATIONAL LTD (TR) — CYBERPARK (TR)” minħabba dikjarazzjoni allegatament falza, fid-dawl tal-interess orizzontali tal-appellanti fil-kawża inkwistjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fl-appell
Aggravji u argumenti prinċipali
Fl-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), fis-sens li din naqset milli tifhem li l-kelma “istituzzjoni” li tinsab fl-artikolu ċċitat iktar ’il fuq mhux qed tirreferi biss għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll għall-aġenti tal-Unjoni Ewropea, billi huma wkoll responsabbli għall-irkupru ta’ danni minn individwi li jkunu ġarrbu telf b’riżultat tal-azzjoni tagħha.
Fit-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 (dritt għal smigħ xieraq) u l-Artikolu 13 (dritt għal rimedju effettiv) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (“KEDB”), bħala prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, billi ċaħdet l-azzjoni tal-appellanti bħala inammissibbli mingħajr ma għamlet riferiment għall-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appellata, dwar il-ġurisprudenza rilevanti dwar danni kkawżati minn uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Każijiet 9/68, 4/69, 60/81), u għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar il’ fuq. Id-digriet naqas ukoll milli jwieġeb għall-argumenti tal-appellanti dwar il-ksur serju min-naħa tal-appellata tal-prinċipji fundamentali Ewropej ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ smigħ xieraq kif ukoll tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi (Ewropew) ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba.
Fit-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali indirizzat b’mod żbaljat u żnaturat il-provi prodotti mill-appellanti fl-ewwel istanza, meta ddeċidiet, li “s-CFCU waħidha kellha status ta’ awtorità kontraenti (…) sabiex tadotta deċiżjoni li tagħti l-kuntratt inkwistjoni (…) u l-kompetenza tal-Kummissjoni kienet biss sabiex tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea kinux intlaħqu”, ibbażata fuq dokumenti li l-appellanti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-fatt jippruvaw li s-CFCU tiffunzjona taħt il-kontroll u l-limiti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, il-konklużjonijiet tad-digriet appellat huma żbaljati u joħolqu distorsjoni tas-sens ċar tal-prova disponibbli għall-Qorti Ġenerali.
Full & Egal Universal Law Academy