2.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/5
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Novembru 2012 — Tevfik Isbir vs DB Services GmbH
(Kawża C-522/12)
2013/C 32/06
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesarbeitsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Tevfik Isbir
Konvenuta: DB Services GmbH
Domandi preliminari
(1)
Il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” previst fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-korrispettiv mogħti mill-persuna li timpjega għax-xogħol li jsir mill-ħaddiem li, skont liġijiet, regolamenti jew ftehim kollettivi ddikjarati universalment applikabbli, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, għandu jitħallas biss u b’mod sħiħ permezz tas-salarju minimu kollettiv (“prestazzjoni normali”), u li, minħabba dan, huma biss il-ħlasijiet tal-persuni li jimpjegaw li jservu ta’ remunerazzjoni għal tali prestazzjoni normali li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ ħlas tar-rata minima ta’ ħlas, u li għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ remunerazzjoni kkonċernat?
(2)
Il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” previst fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprovdu li l-ħlasijiet ta’ persuna li timpjega ma għandhomx jiġu kkunsidrati li jifformaw parti integrali mis-salarju minimu u ma jistgħux għalhekk jitqiesu sabiex id-dritt għas-salarju minimu jitqies sodisfatt, meta l-persuna li timpjega tagħmel dawn il-ħlasijiet fuq il-bażi ta’ obbligu li jirriżulta minn ftehim kollettiv,
—
u l-ħlasijiet, skont l-intenzjonijiet tal-partijiet fuq il-ftehim kollettiv u tal-leġiżlatura, ikollhom għanijiet ta’ ġenerazzjoni ta’ kapital għall-benefiċċju tal-ħaddiema,
u għal dan il-għan
—
il-ħlasijiet mensili mill-persuna li timpjega għall-benefiċċju tal-ħaddiem ikollhom għanijiet intiżi għal żmien twil, bħalma huma l-kontribuzzjoni għat-tfaddil, il-kontribuzzjoni għall-kostruzzjoni jew l-akkwist ta’ immobbli ta’ abitazzjoni jew il-kontribuzzjoni għal assigurazzjoni tal-ħajja kapitali, u
—
jkunu ssussidjati permezz ta’ allowances mill-Istat u eżenzjonijiet fiskali, u
—
l-ħaddiem ikun jista’ jaċċedi għal dawn il-kontribuzzjonijiet biss fi tmiem perijodu ta’ diversi snin, u
—
sa fejn huwa ammont mensili fiss, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ikun jiddependi biss mill-ħin tax-xogħol miftiehem u mhux mir-remunerazzjoni tax-xogħol (“ħlasijiet li jikkontribwixxu għall-ġenerazzjoni ta’ kapital”)?
(1) Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malta, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431).
Full & Egal Universal Law Academy