16.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Employment Tribunal (ir-Renju Unit) fis-26 ta’ Novembru 2012 — ZJR Lock vs British Gas Trading Limited & Others
(Kawża C-539/12)
2013/C 46/25
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Employment Tribunal
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: ZJR Lock
Konvenuti: British Gas Trading Limited & Others
Domandi preliminari
(1)
Meta
(i)
ir-remunerazzjoni annwali ta’ ħaddiem tinkludi r-remunerazzjoni bażika u l-ħlasijiet ta’ kummissjoni li jingħataw skont dritt għall-kummissjoni stabbilt f’kuntratt;
(ii)
l-kummissjoni titħallas b’riferiment għall-bejgħ magħmul u għall-kuntratti konklużi mill-persuna li timpjega grazzi għax-xogħol tal-ħaddiem;
(iii)
l-kummissjoni titħallas f’arretrati u l-ammont tal-kummissjoni rċevut matul perijodu ta’ riferiment partikolari jvarja skont il-valur tal-bejgħ mwettaq u l-kuntratti konklużi kif ukoll iż-żmien li fih sar dan il-bejgħ;
(iv)
matul il-perijodi ta’ leave annwali, il-ħaddiem ma jagħmel l-ebda xogħol li kieku jintitolah għal dawn il-ħlasijiet tal-kummissjoni u għaldaqstant ma jiġġenerax kummissjoni fir-rigward ta’ dawn il-perijodi;
(v)
għall-perijodu ta’ remunerazzjoni li jinkludi perijodu ta’ leave annwali, il-ħaddiem huwa intitolat għar-remunerazzjoni bażika u jibqa’ jirċievi ħlasijiet tal-kummissjoni bbażati fuq kummissjoni li huwa jkun qala’ preċedentement; u
(vi)
il-medja tal-qligħ tal-kummissjoni tiegħu matul is-sena tkun inqas minn dik li kien ikollu kieku l-ħaddiem ma kienx ħa leave, minħabba li, matul il-perijodu ta’ leave, huwa ma kienx għamel xogħol li kien jintitolah għall-ħlasijiet tal-kummissjoni
l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104/KE (1), kif emendata bid-Direttiva 2003/88/KE (2), jimponi li l-Istati Membri jieħu miżuri sabiex jiżguraw li ħaddiem jitħallas fir-rigward ta’ perijodi ta’ leave annwali, b’riferiment għall-ħlasijiet ta’ kummissjoni li huwa kieku kien jaqla’ matul dak il-perijodu li kieku ma kienx ħa l-leave, kif ukoll ir-remunerazzjoni bażika tiegħu?
(2)
Liema huma l-prinċipji applikabbli għall-ewwel domanda?
(3)
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, liema huma l-prinċipji (jekk hemm) li huma meħtieġa li jiġu adottati mill-Istati Membri fil-kalkolu tas-somma dovuta lill-ħaddiem b’riferiment għall-kummissjoni li l-ħaddiem kien jew seta’ jaqla’ li kieku ma ħax il-leave annwali?
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197).
(2) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).
Full & Egal Universal Law Academy