16.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fit-28 ta’ Novembru 2012 — Rena Schmeel vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-540/12)
2013/C 46/26
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Berlin
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Rena Schmeel
Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Domandi preliminari
(1)
Id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew, f’dan il-każ b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78/KE (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi projbizzjoni komprensiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età li tkopri wkoll regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali ta’ Land?
(2)
Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew twassal sabiex dispożizzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fil-mument li jinħatar bħala uffiċjal permanenti fis-servizz pubbliku jiddependi fil-parti l-kbira tiegħu mill-età tiegħu u li dan l-ammont sussegwentement jiżdied prinċipalment fuq il-bażi tat-tul tas-servizz tiegħu fis-servizz pubbliku, tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età?
(3)
Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi li tali dispożizzjoni nazzjonali tiġi ġġustifikata permezz tal-għan leġiżlattiv li tiġi rikonoxxuta l-esperjenza professjonali?
(4)
Fil-każ li anki t-tielet domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tippermetti, sakemm ma jkun implementat ebda dritt għal remunerazzjoni li ma jimplikax diskriminazzjoni, konsegwenza legali oħra apparti l-għoti ta’ remunerazzjoni retroattivament lill-persuni ddiskriminati skont l-ogħla livell ta’ salarju fil-grad ta’ salarju tagħhom?
Il-konsegwenza legali tal-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tirriżulta direttament mid-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew, f’dan il-każ b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/78/KE, jew jista’ jkun hemm pretensjoni biss minħabba implementazzjoni inkorretta tar-rekwiżiti legali Ewropej, inkonformità mar-responsabbiltà tal-Istat skont id-dritt tal-Unjoni?
(5)
L-interpretazzjoni tad-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi miżura nazzjonali li tissuġġetta pretensjoni għal ħlas (b’lura) jew għal kumpens għall-kundizzjoni li l-uffiċjali jkunu ressqu din il-pretensjoni fi żmien xieraq?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).
Full & Egal Universal Law Academy