16.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/15
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2012 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-29 ta’ Novembru 2012, fil-Kawża T-265/08, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-549/12 P)
2013/C 46/29
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze, aġent, U. Karpenstein u C. Johann, avukati)
Partijiet oħra fil-proċeduri: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-265/08, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja (intervenjenti), ir-Repubblika Franċiża (intervenjenti) u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (intervenjenti) vs Il-Kummissjoni Ewropea li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1690 finali, tat-30 ta’ April 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-Programm Operattiv fir-reġjun tal-Objettiv Nru 1 tal-Land ta’ Thüringen (il-Ġermanja) (1994-1999), skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (94) 1939/5 tal-5 ta’ Awwissu 1994 u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1690 finali, tat-30 ta’ April 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-Programm Operattiv fir-reġjun tal-Objettiv Nru 1 tal-Land ta’ Thüringen fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1994-1999);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Aggravji u argumenti prinċipali
Is-suġġett ta’ dan l-appell huwa s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal annullament tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1690 finali, tat-30 ta’ April 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-Programm Operattiv fir-reġjun tal-Objettiv Nru 1 tal-Land ta’ Thüringen fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1994-1999), skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(94) 1939/5 tal-5 ta’ Awwissu 1994.
L-appellanti tinvoka żewġ aggravji:
L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 (1), kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (2) u l-prinċipju tal’ attribuzzjoni tal-kompetenzi (Artikolu 5(2) TEU u l-Artikolu 7 TFEU; li qabel kien l-Artikolu 5 KE), peress li żbaljat meta kkunsidrat li żbalji amministrattivi attribwibbli lill-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu “irregolaritajiet” li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju). Anki jekk korrezzjoni finanzjarja għal żball amministrattiv tista’ fil-prinċipju sseħħ, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, peress li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li ksur tal-liġi nazzjonali u żbalji li ma jaffettwawx il-baġit tal-Unjoni Ewropea jistgħu jikkostitwixxu “irregolaritajiet” li jiġġustifikaw korrezzjonijiet finanzjarji (it-tieni parti tal-ewwel aggravju).
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 kif ukoll il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi (Artikolu 5(2) TEU u l-Artikolu 7 TFEU) peress illi b’mod żbaljat tat lill-Kummissjoni s-setgħa li testrapola korrezzjonijiet finanzjarji (l-ewwel parti tat-tieni aggravju). Anki jekk, bħala prinċipju, il-Kummissjoni kellha din is-setgħa ta’ estrapolazzjoni, il-Qorti Ġenerali jmissha rrikonoxxiet l-illegalità tal-applikazzjoni tagħha fil-każ preżenti. Minn naħa waħda, fi kwalunkwe każ, ma ġiex stabbilit telf għall-baġit tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ parti mill-proġett inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma jmisshiex ikklassifikat parti mill-iżball inkwistjoni bħala żball sistematiku (it-tieni parti tat-tieni aggravju).
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f’dak li jikkonċerna l-koordinazzjoni bejn l-interventi tal-Fondi Strutturali differenti, minn naha, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħra, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).
Full & Egal Universal Law Academy