2.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/11
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2012 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Settembru 2012, fil-Kawża T-421/09, DEI vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-554/12 P)
2013/C 32/15
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Th. Christoforou, A. Antoniadis u A. Oikonomou, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) u r-Repubblika Ellenika
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-421/09 fl-intier tagħha;
—
tagħti sentenza definittiva dwar il-kontroversja fil-mument meta jitqies li l-istat tal-atti jippermetti dan;
—
tikkundanna lid-DEI għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni għaż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
Permezz tas-sentenza tagħha fil-Kawża T-421/09, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri korrettivi proposti mir-Repubblika Ellenika kienu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġu annullati l-effetti tal-ksur u tiġi ggarantita l-konformità mad-deċiżjoni preċedenti tal-5 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2009” jew id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata, billi bbażat id-deċiżjoni tagħha biss fuq il-fatt li fil-frattemp, flimkien mas-sentenza fil-Kawża T-169/08 ukoll mogħtija fl-20 ta’ Settembru 2012, kienet ġiet annullata wkoll id-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2008, li fuqha kienet esklużivament ibbażata d-deċiżjoni kkontestata.
(2)
Ġaladarba l-Kummissjoni tqis li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-169/08 hija bbażata fuq numru ta’ żbalji ta’ liġi, motivazzjoni inkompleta u insuffiċjenti, interpretazzjoni żbaljata tal-provi u tal-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2008, hija diġà kkontestat din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. B’hekk, jekk tali kontestazzjoni tas-sentenza fil-Kawża T-169/08 tintlaqa’, awtomatikament tkun nieqsa l-unika bażi li fuqha tibbaża ruħha s-sentenza fil-Kawża T-421/09, attwalment ikkontestata.
Full & Egal Universal Law Academy