9.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fit-3 ta’ Diċembru 2012 — TDC A/S vs Teleklagenævnet
(Kawża C-556/12)
2013/C 38/16
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Østre Landsret (id-Danimarka)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: TDC A/S
Konvenuta: Teleklagenævnet
Domandi preliminari
(1)
Il-kunċett ta’ “aċċess” kif imfisser fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess jinkludi l-installazzjoni ta’ cables individwali li jgħaqqdu lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali? Il-fatt li t-tul tal-cables individwali ma jeċċedix 30 metru jaffettwa r-risposta għal din id-domanda?
(2)
L-installazzjoni ta’ cable individwali ta’ tul massimu ta’ 30 metru li jgħaqqad lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati” fl-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 8 tagħha?
(3)
Il-fatt li l-proprjetarju tan-netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jagħmel investimenti li jeċċedu b’mod qawwi l-ispiża tal-akkwist tan-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika li għandu jingħata aċċess għalih, jaffettwa r-risposta għall-ewwel żewġ domandi dwar l-obbligu ta’ aċċess fil-forma ta’ obbligu ta’ installazzjoni, pereżempju, ta’ cables individwali li jgħaqqdu distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali?
(4)
Il-fatt li l-proprjetarju jista’ jkollu l-ispejjeż tiegħu għall-installazzjoni individwali ta’ cables individwali koperti minn obbligu impost ta’ kontroll tal-prezzijiet, jaffettwa r-risposta għat-tielet domanda?
Full & Egal Universal Law Academy