2.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/12
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2012 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-21 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-278/10 — Wesergold Getränkeindustrie GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-558/12 P)
2013/C 32/17
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) (rappreżentant: A. Pohlmann, aġent)
Partijiet oħra fil-proċedura: Wesergold Getränkeindustrie GmbH & Co. KG, Lidl Stiftung & Co. KG
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata
—
tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċedura, kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell preżenti huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-278/10, li annullat id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-24 ta’ Marzu 2010 (Każ R 770/2009-1).
L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq tliet aggravji:
L-ewwel nett hija tinvoka ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1), billi l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell minħabba nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-karattru distintiv miksub, minkejja li skont il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali s-sinjali kunfliġġenti huma għal kollox differenti, b’tali mod li għal din ir-raġuni ma jista’ jkun hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni.
It-tieni nett, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 76(1) flimkien mal-Artikolu 64(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, billi dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu li Wesergold Getränkeindustrie kellha tinvoka l-karattru distintiv miksub tat-trade marks kunfliġġenti, li madankollu ma jikkorrispondix mal-fatti. Wesergold Getränkeindustrie diġà waqqgħet l-argument tagħha dwar il-karattru distintiv miksub matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-iktar tard waqt l-appell. L-affermazzjoni kuntrarja tal-Qorti Ġenerali li Wesergold Getränkeindustrie għamlet użu mill-argument dwar il-karattru distintiv miksub fl-appell, tikkostitwixxi żnaturament evidenti tal-fatti li ma jeħtieġ l-ebda prova ġdida.
It-tielet nett, is-sentenza tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita, billi żball ma jistax iwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni meta dan l-iżball evidentement ma għandu l-ebda impatt fuq id-deċiżjoni. Il-kwistjoni tal-karattru distintiv intrinsiku mhux biss huwa irrilevanti għad-deċiżjoni minħabba li l-Qorti Ġenerali stess innotat in-nuqqas ta’ xebh tas-sinjali, iżda wkoll minħabba li Wesergold Getränkeindustrie ma pproduċiet l-ebda prova tal-karattru distintiv intrinsiku permezz tal-użu bid-dokumenti prodotti prima facie fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra fil-qosor il-validità ta’ dawn il-provi insuffiċjenti prodotti fl-10 ta’ Marzu 2008, sabiex jiġi evitat dewmien bla bżonn u spejjeż ogħla tal-proċedura.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy