2.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/14
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2012 minn Ivan Jurašinović mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-3 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-465/09, Jurašinović vs Il-Kunsill
(Kawża C-576/12 P)
2013/C 32/19
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Ivan Jurašinović (rappreżentant: N. Amara-Lebret, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
tannulla d-deċiżjoni appellata, tirrinvija lura l-każ lill-Qorti Ġenerali jew, fin-nuqqas,
—
tannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 li permezz tagħha ġie awtorizzat biss lill-appellant aċċess parzjali għad-dokumenti segwenti: rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, dwar iż-żona ta’ Knin, tal-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Awwissu 1995;
—
tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jawtorizza l-aċċess, taħt forma elettronika, għad-dokumenti kollha mitluba;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lill-appellant is-somma ta’ EUR 8 000 eżenti mit-taxxi tal-proċeduri, flimkien ma’ interessi bir-rata tal-BĊE fil-jum tar-reġistrazzjoni tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.
Fl-ewwel lok, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ġenerali tad-dritt għal proċess ġust, peress illi ma setgħetx tiddeċiedi b’mod xieraq fuq ir-rikors mingħajr ma kienet eżaminat minn qabel id-dokumenti li kien intalab l-aċċess tagħhom.
Fit-tieni lok, l-appellant jirrileva l-ksur tal-Artikoli 9(1) u 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1), peress illi għalkemm l-Artikolu 4(1)(a) jipprovdi li huwa possibbli li jiġi miċħud l-aċċess għal dokument li jippreġudika l-interess pubbliku sa fejn huma kkonċernati r-relazzjonijiet internazzjonali, tali ċaħda ma tistax tkun ibbażata fuq in-natura sensittiva tad-dokumenti li, peress li ma ġewx ikklassifikati, ma jibbenefikawx mill-protezzjoni tal-Artikolu 9(1).
Fit-tielek lok, l-appelant jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi dwar l-eżistenza ta’ żvelar preċedenti tad-dokumenti. Sa fejn il-komunikazzjoni stabbilita bejn il-Kunsill u t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja tista’ tkun ibbażata biss fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, l-eżistenza ta’ żvelar preċedenti favur konvenut, ta’ ċittadinanza Ewropea, fil-kuntest ta’ proċedura penali pendenti quddiem it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, teżiġi li t-talba tintlaqa’.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.
Full & Egal Universal Law Academy