2.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/9
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2012 minn El Corte Inglés, SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-373/09 — El Corte Inglés vs UASI (Emidio Tucci)
(Kawża C-582/12)
2013/C 63/16
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: El Corte Ingles (rappreżentanti: J.L. Rivas Zurdo u E. Seijo Veiguela, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u Emilio Pucci International BV
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-373/09 sa fejn ma tilqax ir-rikors
—
tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż ta’ El Corte Inglés, S.A.
—
tikkundanna lil Emilio Pucci International BV tbati l-ispejjeż ta’ El Corte Inglés, S.A.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-fuljetti, il-perjodiċi jew il-kopji ta’ dokumenti oħra ppreżentati mill-parti li qed topponi, qatt ma ġew ippreżentati kollha kemm huma u fil-verżjoni oriġinali tagħhom. Dan iwassal sabiex il-provi prodotti mill-parti li qed topponi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal ebda klassi partikolari. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 26 u 27 tas-sentenza tagħha, meta hija teżamina l-kwistjoni jekk id-dokumenti jistgħux jiġu ppreżentati biss fil-verżjoni oriġinali, tqis li ma kienx hemm manipolazzjoni frawdolenta, fatt li l-appellanti żgur lanqas ma kienet invokat.
Id-dokumenti li jinsabu fl-Anness 2 għandhom jiġu esklużi peress li d-dati u r-riferimenti għall-pubblikazzjoni, kienu b’mod ċar iddaħħlu mill-parti li qed topponi. Peress illi dawn il-kwistjonijiet ma ġewx eżaminati adegwatament fis-sentenza, l-appellanti tikkunsidra wkoll li d-dokumenti li jinsabu fil-prova 2 għandhom jiġu miċħuda u, bħala konsegwenza, minn dawn il-perjodiċi ma jistax jiġi dedott li teżisti la prova tal-użu u lanqas prova tar-reputazzjoni ta’ waħda mit-trade marks ikkontestati fil-klassi 25.
Fir-rigward tal-paragun bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, u ta’ dak kollu li jippreċedi: il-parti li qed topponi, Emilio Pucci International B.V., ma tatx prova tal-użu tat-trade marks Taljani preċedenti tagħha u, għaldaqstant il-paragun mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jseħħ biss f’dak li jikkonċerna l-klassijiet 18 u 24 tat-trade mark Komunitarja 203570.
Il-parti li qed topponi rrikonoxxiet li t-trade mark “Emilio Pucci” ma baqgħetx tintuża wara s-snin 70. Min-naħa l-oħra għandu jiġi osservat mill-ġdid li t-trade mark “Emidio Tucci” hija trade mark li tgawdi minn reputazzjoni fi Spanja u li kisbet suċċess manifest f’dan il-pajjiż, u li hija tikkorrispondi mal-isem u l-kunjom ta’ persuni li jeżistu, Emidio Tucci u Emilio Pucci. Dawn il-kwistjonijiet jagħmlu parti mill-motivi mressqa fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI.
Il-prova tal-arrikkiment indebitu ibbażat fuq il-karattru distintiv jew fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark tal-parti li qed topponi għandha turi l-eżistenza ta’ tentattiv li jittieħed benefiċċju kummerċjali mir-reputazzjoni tagħha (ara s-sentenza Spa-Finders (1), punt 51). Madankollu, il-parti li qed topponi ma ressqet ebda allegazzjoni f’dan ir-rigward.
Għalhekk, meta l-parti li qed topponi tallega dannu reali jew vantaġġ żleali, hija għandha tipprovdi l-indikazzjonijiet u tipproduċi l-provi dwar it-tip ta’ dannu allegatament subit jew dwar il-vantaġġ inġust tal-applikant, jew ukoll twettaq analiżi tal-probabbiltajiet u tipproduċi provi li jistabbilixxu li r-riskju ta’ arrikkiment indebitu ma huwiex sempliċement ipotetiku (punt 64 tas-sentenza), mingħajr ma hija biżżejjed is-sempliċi invokazzjoni ġenerali tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (2).
Issa, il-parti li qed topponi Emilio Pucci International ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħħa fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, iżda sempliċement tirraġuna f’termini ġenerali, mingħajr dettall, dwar l-istess kwistjonijiet, minkejja li l-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni rispettuża tagħna, b’mod mhux xieraq tissupplimenta l-ommissjoni tal-parti li qed topponi (ara l-punt 65 tas-sentenza) u tqis fis-sentenza tagħha li dan il-punt huwa stabbilit.
Il-konsegwenzi għall-kawża jidhru fil-punti 66 u 68 tas-sentenza, li huma bbażati fuq premessa li, bħal ma wrejna preċedentement, ma teżistix: jekk il-parti li qed topponi, li kellha l-oneru tal-prova, ma tatx prova tal-arrikkiment indebitu jew tad-dannu għar-reputazzjoni, ma jistax jiġi stabbilit b’liema prodotti jinħolqu l-effetti projbittivi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.
(1) Sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI — Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), T-67/04, Ġabra p. II-1825.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
Full & Egal Universal Law Academy