2.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/10
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2012 mill-El Corte Inglés, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-357/09, Pucci International vs UASI — El Corte Inglés (Emidio Tucci)
(Kawża C-584/12 P)
2013/C 63/17
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: El Corte Inglés, S.A. (rappreżentanti: J.L. Rivas Zurdo u E. Seijo Veiguela, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u Emilio Pucci International BV
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2012, fil-Kawża T-357/09 fit-totalità tagħha;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż ta’ El Corte Inglés, S.A.;
—
tikkundanna lil Emilio Pucci International BV għall-ispejjeż ta’ El Corte Inglés, S.A.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-persuna li ressqet l-oppożizzjoni ma pproduċietx il-prova tal-użu għal nuċċalijiet, kif stabbilixxa l-Bord tal-Appell tal-UASI. Huwa preċiżament dan il-kriterju, jiġifieri l-fatt li s-sempliċi preżenza tat-trade mark fuq jew maġenb ritratti ma hijiex ikkunsidrata bħala użu, li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tas-sentenza tagħha fil-Kawża T-39/10 (1). Għalhekk, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tikkunsidra bħala li ġiet prodotta l-prova tal-użu għal nuċċalijiet, fil-klassi 9, tat-Trade mark Nru 274991.
L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (2) u l-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tiegħu jeżiġu li l-probabbiltà ta’ konfużjoni tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. It-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI kkonkluda li n-natura, l-użu intenzjonat u l-użu tal-prodotti kienu differenti, filwaqt li sostna b’mod xieraq dan l-argument (punt 102 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-prodotti kosmetiċi jew ta’ ġojjellerija jistgħu jkunu marbutin mas-settur tal-moda, li huwa fl-istess ħin vast u eteroġenju, iżda dan ma jfissirx li dawn huma marbuta jew għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jixxiebhu mal-prodotti fil-klassijiet 18, 24 u 25.
L-estensjoni tal-effetti tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (3) għal prodotti oħra fil-klassijiet 9 (nuċċalijiet) u 14 (ġojjellerija, ġojjelli artifiċjali u arloġġi) kif ukoll għall-karta tat-tojlit (klassi 16) ma hijiex suffiċjentement iġġustifikata u hija bbażata fuq preżunzjonijiet li ma ġewx ipprovati mir-rikorrenti fil-Kawża T-357/09 (4). Dan jgħodd iktar u iktar peress li f’dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punti 70 u 71 tas-sentenza, ma jistgħux jiġu ammessi sempliċi ipoteżi jew applikazzjoni per se għat-trade marks li għandhom reputazzjoni qawwija, peress li r-riskji futuri għandhom jiġu invokati u ppruvati, ħaġa li r-rikorrenti f’dik il-kawża ma għamlitx.
(1) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, El Corte Inglés vs UASI–Pucci International (PUCCI), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
(4) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Pucci International vs UASI — El Corte Inglés (Emidio Tucci), T-357/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.
Full & Egal Universal Law Academy