2.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/11
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2012 mir-Repubblika Taljana mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-257/10, L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-587/12 P)
2013/C 63/18
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri u P. Gentili, avvocati dello Stato)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, innotifikata fit-3.10.2012, deċiża mill-Qorti Ġenerali fil-kawża T-257/10, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni, dwar ir-rikors għall-annullament, skont l-Artikolu 264 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2010 C(2010) 1711 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 4/2003 (ex NN 102/2002), innotifikata permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2010 SG Greffe (2010) D/4224, u konsegwentement tannulla wkoll din id-deċiżjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Taljana tinvoka erba’ aggravji.
L-ewwel nett, l-imsemmi Stat jikkontesta l-ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE u tal-Artikoli 4, 6, 7, 10, 13, 20 tar-Regolament (KE) 659/99 (1). Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddikjarat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, setgħet tadotta deċiżjoni ġdida mingħajr ma tiftaħ proċedura kontradittorja ġdida mar-Repubblika Taljana u l-partijiet l-oħra kkonċernati.
It-tieni nett, qed jiġi invokat il-ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE u tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata. Il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni peress li hija tirriproduċi l-istess analiżi vvizzjata bħal dik li kienet ibbażata fuqha l-ewwel deċiżjoni.
It-tielet nett, l-appellanti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikoli 1(1)(d) u 2 tar-Regolament (KE) 1998/2006 (2). Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li l-miżuri kkontestati ma humiex miżuri li, skont l-imsemmi regolament, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.
Ir-raba’ nett, is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) 659/99 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli tirrileva li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tordna l-irkupru ta’ benefiċċju li l-impriża fir-realtà qatt ma ħadet.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 339.
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal- 15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis; GU L 314M, 1.12.2007, p. 654.
Full & Egal Universal Law Academy