23.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/6
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2012 minn Bimbo, SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-569/10 — Bimbo, SA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-591/12)
2013/C 55/09
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Bimbo, SA (rappreżentanti: C. Prat, avukat, R. Ciullo, Barrister)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni); Panrico SA
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2012, fil-Każ T-569/10;
—
tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tas-7 ta’ Ottubru 2010 (Każ R 838/2009-4), peress li tikser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (1);
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell, l-appellanti tqajjem eċċezzjoni unika, billi jallega ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
B’mod partikolari, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali:
(a)
wetqet żball ta’ liġi, sa fejn hija attribwit rwol indipendenti u distint lill-element DOUGHNUTS unikament ibbażat fuq l-allegazzjoni li kellu rwol medju distint u li kien totalment mingħajr tifsira għall-konsumatur medju Spanjol u, konsegwentement, ma kienx jifforma unità sħiħa jew unità loġika mal-komponent BIMBO, mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet għalfejn il-karattru medju distintiv tal-komponent DOGHNUTS jew in-nuqqas ta’ tifsira għal dan il-komponent ikun awtomatikament jagħti lil dak il-komponent karattru indipendenti u distintiv fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti; u
(b)
wetqet żball ta’ liġi, sa fejn hija bbażat is-sejba li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, essenzjalment, fuq il-preżunzjoni li l-element DOUGHNUTS għandu rwol indipendenti u distint, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha speċifiċi għall-każ, b’mod partikolari, il-fatt li l-ewwel komponent tat-trade mark komposta kien trade mark li kellha reputazzjoni. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali interpretat id-dottrina Medion bħala li tfisser li sejba ta’ rwol indipendenti u distint f’wieħed mill-komponenti ta’ sinjal kompost jagħmilha inutli, fl-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li jiġu analizzati l-fatturi kollha jew uħud minnhom li huma speċifiċi għall-każ, li tmur kontra d-dottrina tal-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta ‘Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy