9.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 71/8
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-596/12)
2013/C 71/13
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren, u C. Cattabriga, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li, peress li eskludiet il-kategorija ta’ “diriġenti” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ mobbiltà prevista fl-Artikolu 4 tal-liġi Nru 223/1991, flimkien mal-Artikolu 24 tal-istess liġi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (1).
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont il-Kummissjoni, peress li eskludiet il-kategorija ta’ “diriġenti” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ mobbiltà prevista fl-Artikolu 4 tal-liġi Nru 223/1991, flimkien mal-Artikolu 24 tal-istess liġi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 98/59/KE.
Din id-direttiva tirregola l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li l-persuna li timpjega għandha tosserva meta tipprevedi li twettaq tkeċċijiet kollettivi, kif ukoll l-istess proċedura ta’ tkeċċijiet kollettivi.
Tali proċedura, skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva, tapplika għat-tkeċċijiet imwettqa mill-persuna li timpjega minħabba raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati, fejn in-numru ta’ tkeċċijiet imwettqa huwa ogħla minn ċertu limitu ddefinit skont in-numru ta’ ħaddiema tal-impriża. Fil-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema impjegati mill-impriża, bħan-numru ta’ tkeċċijiet imwettqa, huma inkużi l-ħaddiema kollha, indipendentement mill-kwalifiki tagħhom jew mill-funzjonijiet tagħhom, bl-eċċezzjoni biss tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, tal-impjegati pubbliċi u tal-ekwipaġġ ta’ vapuri tal-baħar.
Meta implementa d-Direttiva 98/59/KE, il-leġiżlatur Taljan kien eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ informazzjoni u konsultazzjoni minnu stess stabbiliti f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi l-kategorija ta’ diriġenti li madankollu, skont il-kodiċi ċivili Taljan, tidħol taħt il-kunċett ta’ ħaddiem. Din l-esklużjoni mhux biss tmur kontra l-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tad-Direttiva, iżda hija għal kollox inġustifikata. Il-kategorija tad-diriġenti fl-ordinament ġuridiku Taljan hija, fil-fatt, tassew wiesgħa u tinkludi anki ħaddiema li ma għandhomx poteri partikolari ta’ ġestjoni fil-kuntest tal-impriżi u huma ddefiniti bħala “diriġenti” biss peress li għandhom kwalifiki professjonali għolja.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327.
Full & Egal Universal Law Academy