6.4.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 101/6
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2012 minn Gem-Year Industrial Co. Ltd, Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-172/09: Gem-Year Industrial Co. Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-602/12 P)
2013/C 101/12
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Gem-Year Industrial Co. Ltd, Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) Co. Ltd (rappreżentanti: Y. Melin, V. Akritidis, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, European Industrial Fasteners Institute AISBL (EIFI)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla kompletament is-sentenza tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-172/09, Gem-Year Industrial Co. Ltd u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill.
—
tilqa’, billi tagħti sentenza finali hija stess,
—
it-tielet aggravju tal-appellanti, dwar l-assenza ta’ dannu miġrub mill-industrija Komunitarja, bi ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku (1); u
—
is-seba’ aggravju dwar il-kontrabilanċjar illegali ta’ sussidju permezz taċ-ċaħda tat-trattament ta’ ekonomija ta’ suq, bi ksur tar-Regolament Nru 2026/97 (2) u l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku.
jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kwistjoni lura lill-Qorti Ġenerali.
—
tordna lill-Kunsill u lill-intervenjenti, biex minbarra li jħallsu l-ispejjeż tagħhom ibatu l-ispejjeż kollha tal-appellanti sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi tal-aggravji segwenti:
L-ewwel nett, fid-dawl tal-fatti quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa ċar li ma hemmx evidenza li l-industrija tal-qfieli tal-Unjoni kienet qed iġġarrab dannu kkawżat minn importazzjonijiet suġġetti għal dumping li ġejjin miċ-Ċina, fis-sens tal-Artikoli 3(2), (5) u (6) tar-Regolament Bażiku Anti-Dumping (3). Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet:
(i)
Il-Qorti Ġenerali għawġet is-sens ċar tal-evidenza quddiemha meta qieset li l-marġni ta’ profitt miksub mill-industrija tal-qfieli tal-Unjoni matul il-perijodu taħt kunsiderazzjoni (mill-1 ta’ Jannar 2003 sat-30 ta’ Settembru 2007) ġie affettwat b’mod negattiv, b’mod materjali, mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping li ġejjin miċ-Ċina; filwaqt li l-evidenza fil-proċess turi li l-profitti telgħu u niżlu matul l-imsemmi perijodu, u kienu t-tieni l-ogħla matul l-aħħar sena (4.4 %), li kien ukoll iż-żmien li fih id-dumping ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina kien l-ogħla, u kienu viċin il-livell massimu storiku tagħhom ta’ 4.7 % (fl-2004), li huwa ftit taħt il-profitt mixtieq (5 %) użat mill-Kummissjoni biex tikkalkula l-marġni ta’ underselling.
(ii)
L-evidenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja turi industrija tal-Unjoni li qed tikber u tiffjorixxi, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Hija ma turix każ ta’ dannu materjali iżda pjuttost każ ta’ opportunità ipotetika mitlufa biex jittieħed vantaġġ sħiħ tat-tkabbir domestiku tas-suq tal-UE. Billi ddeċidiet fuq dawn il-bażijiet li l-istituzzjonijiet tal-UE ġustament qiesu li kien hemm dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, il-Qorti Ġenerali wettet żball ta’ liġi meta kkategorizzat il-fatti li kienet stabbiliet, biex b’hekk l-Artikolu 3(2), (5) u (6) tar-Regolament Bażiku ma ġiex applikat kif xieraq.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-pretensjoni għat-trattament ta’ ekonomiku ta’ suq taħt l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku setgħet tiġi miċħuda fuq il-bażi li industrija iktar ’il fuq fil-katina ta’ produzzjoni kienet issussidjata. Dan jammonti għal kontrabilanċjar ta’ dawn is-sussidji iżda mhux insegwitu ta’ investigazzjoni mibdija taħt ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2026/97 (l-ex Regolament Bażiku kontra s-sussidji). Din hija interpretazzjoni illegali tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku, u ksur tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2026/97.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45)
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97, tas-6 ta’ Ottubru 1997, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 78)
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51)
Full & Egal Universal Law Academy