2.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/12
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2012 minn Greinwald GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-333/11 — Nicolas Wessang vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
(Kawża C-608/12 P)
2013/C 63/20
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Greinwald GmbH (rappreżentant: C. Onken, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Nicolas Wessang
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-333/11 sa fejn ġie milqugħ ir-rikors,
—
tibdel is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-333/11 b’tali mod li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu,
—
tikkundanna lir-rikorrent fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Is-sentenza appellata tikser l-ispirtu legali tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) sa fejn tikkunsidra li hemm iktar probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba l-analoġija kunċettwali bejn il-kliem “foods” u “snacks”. Skont l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, is-sinjali li ma jkunux ta’ karattru distintiv u s-sinjali li jkunu deskrittivi ma jistgħux jiġu protetti bħala trade marks. Għaldaqstant, analoġija fir-rigward ta’ elementi minn sinjal li ma jkunux ta’ karattru distintiv jew li jkunu deskrittivi ma jistgħux jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u lanqas ma jistgħu jżidu din il-probabbiltà.
Minn dan isegwi li sabiex ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni huwa meħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà ta’ preġudizzju għall-funzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini. Madankollu, huma biss sinjali u elementi minn sinjali li jkollhom karattru distintiv li jista’ jkollhom funzjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini. Jekk element minn sinjal ma jkollu ebda funzjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini, l-użu ta’ element simili fi trade mark iktar reċenti ma jista’ jkollu ebda impatt fuq din il-funzjoni.
Il-prinċipju li elementi minn sinjal li ma jkunux ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li ġeneralment il-pubbliku kkonċernat ma jikkunsidrax element deskrittiv ta’ trade mark kumplessa bħala element distintiv jew dominanti tal-impressjoni ġenerali maħluqa minn trade mark komposta minn diversi elementi.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy