Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2012 — GREP vs Freistaat Bayern
(Kawża C-156/12)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 47 u 51(1) — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Rikors kontra deċiżjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor u li tordna sekwestri — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt ta’ aċċess għal qorti — Għajnuna legali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi”
1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Għan tal-artikoli kkonċernati tal-imsemmi regolament (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001) (ara l-punt 32)
2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Rikors kontra deċiżjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ digriet li jordna sekwestru — Rikors li jikkostitwixxi implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit permezz tal-Artikolu 47 ta’ din il-karta (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 43) (ara l-punti 31, 33-35, 37, 43 u d-dispożittiv)
3. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stabbiliment mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta azzjoni legali għall-ħlas ta’ depożitu ta’ spejjeż ta’ proċedura u/jew għall-assistenza ta’ avukat — Esklużjoni ta’ persuna ġuridika, li ma tkunx tista’ tagħmel dan id-depożitu, mill-benefiċċju tal-għajnuna legali — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47) (ara l-punti 38-42, 44-47 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Landesgericht Salzburg — Interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll, sussidjarjament, tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali — Kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Proċedura għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor — Dritt għal għajnuna legali — Ammissibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta li tagħti dan id-dritt lill-persuni ġuridiċi
Dispożittiv
Ir-rikors, eżerċitat skont l-Artikolu 43(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, bil-għan li jikkontesta deċiżjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ digriet li jordna sekwestru skont l-Artikoli 38 sa 42 tal-imsemmi regolament u li tordna sekwestri kawtelatorji, jikkostitwixxi implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista’ jinkludi d-dritt ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura u/jew mid-drittijiet dovuti sabiex jiksbu assistenza minn avukat b’konnessjoni ma’ tali rikors.
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali assistenza jikkostitwixxux limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-qrati li tikser dan id dritt fis-sustanza tiegħu, jekk dawn ikunux intiżi li jilħqu għan leġittimu u jekk teżistix rabta raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan intiż.
Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett tat-tilwima, il-prospetti raġonevoli ta’ suċċess tar-rikorrent, il-gravità tal-kwistjoni għalih, il-kumplessità tad-dritt u l-proċedura applikabbli kif ukoll il-kapaċità tar-rikorrent li jiddefendi effettivament il-kawża tiegħu. Sabiex tevalwa l-proporzjonalità, il-qorti nazzjonali tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-estent tal-ispejjeż proċedurali li għandhom jitħallsu minn qabel u n-natura insormontabbli jew le tal-ostaklu li jikkostitwixxu għall-aċċess għall-ġustizzja.
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ persuni ġuridiċi, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tagħhom. Għalhekk, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma u l-iskop ta’ lukru jew le tal-persuna ġuridika inkwistjoni kif ukoll il-kapaċità finanzjarja tal-assoċjati jew azzjonisti tagħha u l-possibbiltà, għalihom, li jiksbu s-somom meħtieġa sabiex tinbeda l-kawża.
Full & Egal Universal Law Academy