SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)
12 ta’ Diċembru 2013 (*)
“Servizz pubbliku — Assistenti parlamentari akkreditati — Rexissjoni antiċipata tal-kuntratt — Talba għal assistenza — Fastidju psikoloġiku”
Fil-Kawża F‑129/12,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,
CH, assistent parlamentari akkreditat tal-Parlament Ewropew, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Levi, C. Bernard-Glanz u A. Tymen, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Alves u E. Taneva, bħala aġenti,
konvenut,
IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),
komposta minn H. Kreppel, President, E. Perillo u R. Barents (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,
wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2013,
jagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta’ Ottubru 2012, CH titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tad-19 ta’ Jannar 2012, li tirrexxindi l-kuntratt tagħha bħala assistent parlamentari akkreditat, l-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2012 li tiċħad it-talba tagħha għal assistenza u, sa fejn huwa neċessarju, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti mressqa kontra dawn id-deċiżjonijiet, kif ukoll il-kundanna tal-Parlament sabiex iħallasha s-somma ta’ EUR 120 000 bħala danni.
Il-kuntest ġuridiku
2 Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa kkostitwit mill-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u mill-Artikoli 2(ċ), 127, 130 u 139(1)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).
3 L-Artikolu 31, intitolat “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.”
4 L-Artikolu 41, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, tal-Karta jistabbilixxi li:
“1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.
2. Dan id-dritt jinkludi:
a) id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;
[…]”
5 L-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew applikabbli meta seħħew il-fatti jindika li:
“L-imġiba tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata b’rispett reċiproku, għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-pri[n]ċipji stabbiliti fit-testi bażiċi li fuqhom hija imsejsa l-Unjoni Ewropea, għandha tirrispetta d-dinjità tal-Parlament u m’għandiex tikkomprometti t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma parlamentari jew itellef il-paċi u l-kwiet ta’ kwalunkwe bini tal-Parlament. […]”
6 L-Artikolu 20(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni tat-Titolu VII tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tad-9 ta’ Marzu 2009 u emendati l-aħħar bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-13 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implementazzjoni”), jipprevedi li:
“Meta l-assistent, il-Membru jew il-grupp ta’ Membri li huwa jassisti jkunu jixtiequ jtemmu l-kuntratt qabel l-iskadenza tiegħu, l-assistent jew il-Membru ta’ referenza għandu jibgħat talba bil-miktub f’dan is-sens lis-servizz kompetenti tas-Segretarjat Ġenerali, li fiha jippreċiża r-raġuni jew ir-raġunijiet għalfejn tkun qed tintalab ir-rexissjoni antiċipata tal-kuntratt.
Wara eżami tat-talba, l-awtorità awtorizzata tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ għandha ttemm il-kuntratt jew skont l-Artikolu 139(1)(d) tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg], b’osservanza tat-terminu ta’ preavviż previst, jew inkella skont l-Artikolu 139(3) tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg], b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-fatti li wasslu għall-kawża
7 Fl-1 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti ġiet irreklutata bħala assistent parlamentari mis-Sur B., Membru tal-Parlament, bis-saħħa ta’ kuntratt li kellu jiskadi fit-tmiem tal-leġiżlatura 2004/2009. Wara t-tmiem tal-mandat tas-Sur B., li seħħ fl-2007, ir-rikorrenti ġiet irreklutata bħala assistent parlamentari minn Membru ieħor tal-Parlament, is-Sinjura P., mill-1 ta’ Diċembru 2007 sat-tmiem tal-imsemmija leġiżlatura fl-2009. B’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-Parlament bħala assistent parlamentari akkreditat fis-sens tal-Artikolu 5a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (iktar ’il quddiem l-“APA”), sabiex tassisti lis-Sinjura P. sat-tmiem tal-leġiżlatura 2009/2014. Il-kuntratt tagħha kien jipprevedi klassifikazzjoni fil-grad 14 tal-grupp ta’ funzjonijiet II.
8 B’effett mill-1 ta’ Settembru 2010, dan il-kuntratt ġie ssostitwit b’kuntratt ġdid, li permezz tiegħu r-rikorrenti ġiet ikklassifikata mill-ġdid fil-grad 11 tal-grupp ta’ funzjonijiet II.
9 Mis-27 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ngħatat leave tal-mard li ġie estiż sad-19 ta’ April 2012.
10 Fis-26 ta’ Ottubru 2011, it-tabib li kien qed jikkura lir-rikorrenti, it-tabib A. G., ħareġ ċertifikat li jikkonstata l-istat ta’ ansjetà depressiva tagħha, ir-rikorrenza ta’ stat ta’ “tħassib” u mard relatat mal-konsum tal-ikel filwaqt li għamel riferiment għad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol. F’rapport tal-20 ta’ Novembru 2011 indirizzat lit-tabib A. G., it-tabib Y. G., newropsikjatra, ikkonstata l-persistenza ta’ marda ta’ ansjetà depressiva. Fit-22 ta’ Novembru 2011, it-tabib J. De M., kap tad-dipartiment għall-perizji medikopsikoloġiċi tas-Centre hospitalier universitaire Brugmann de Bruxelles (il-Belġju), stabbilixxa l-eżistenza ta’ sindrome ta’ eżawriment reazzjonali u ddikjara li l-mard ta’ ansjetà depressiva tar-rikorrenti kien dovut għal “esperjenza ta’ fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol”.
11 Fit-28 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti informat lill-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol, stabbilit mill-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju psikoloġiku”), bis-sitwazzjoni tagħha u bl-aġir tas-Sinjura P. fil-konfront tagħha. Fis-6 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti staqsiet lill-membri kollha tal-imsemmi kumitat dwar il-passi li għandhom jittieħdu sabiex jitressaq ilment għal fastidju psikoloġiku. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-12 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti bagħtet lill-membri kollha tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju psikoloġiku kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, il-messaġġ elettroniku mibgħut fl-istess jum lis-Sinjura P. u li fih iddeskriviet l-istat ta’ saħħa tagħha minħabba l-fastidju minn din tal-aħħar. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-21 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti kkuntattjat lill-President tal-imsemmi kumitat sabiex titolbu jiltaqa’ magħha.
12 Fit-22 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ressqet, permezz tal-avukati tagħha, talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li fiha hija allegat li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku mis-Sinjura P. u talbet l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ separazzjoni kif ukoll il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva.
13 Fis-6 ta’ Jannar 2012, is-Sinjura P. bagħtet lid-diviżjoni ta’ reklutaġġ u ta’ trasferiment tal-persunal, li tifforma parti mid-Direttorat għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament, talba bil-miktub għar-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti. Fit-18 ta’ Jannar 2012, is-Sinjura P. ikkonfermat din it-talba.
14 Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2012, il-kuntratt tar-rikorrenti ġie rexiss b’effett mid-19 ta’ Marzu 2012 minħabba ksur tar-rabta ta’ fiduċja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tkeċċija”). Ir-rikorrenti ġiet eżentata milli taħdem matul il-perijodu ta’ preavviż. Fl-ittra li ntbagħtet flimkien mal-imsemmija deċiżjoni, il-kap tad-diviżjoni kompetenti informa lir-rikorrenti bir-riċezzjoni, fit-18 ta’ Jannar 2012, ta’ talba tas-Sinjura P. sabiex il-kuntratt tagħha jintemm. Is-Sinjura P. qieset, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma kellhiex il-kompetenzi neċessarji sabiex issegwi x-xogħol tal-kumitati parlamentari li hija kienet membru tagħhom u, it-tieni nett, li r-rikorrenti ġieli aġixxiet b’mod inaċċettabbli fil-konfront tagħha kif ukoll fil-konfront ta’ Membri u assistenti oħra. Għal dawn ir-raġunijiet, is-Sinjura P. ma setgħetx tibqa’ tafda lir-rikorrenti sabiex tkompli tassistiha.
15 Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2012, l-avukati tar-rikorrenti talbu kopja tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kif redatta mis-Sinjura P. Wara din it-talba, id-diviżjoni kompetenti tal-Parlament tawhom, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2012, lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji li juru t-telf tar-rabta ta’ fiduċja bejn ir-rikorrenti u s-Sinjura P.
16 Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2012, l-avukati tar-rikorrenti fakkru li t-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti kienet għada ma ngħatatx tweġiba.
17 Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2012 indirizzata lit-tabib A.G., it-tabib Y.G. ikkonstata aggravazzjoni tal-marda ta’ ansjetà depressiva tar-rikorrenti minħabba, minn naħa, in-nuqqas ta’ rikonoxximent mill-Parlament tal-“esperjenza ta’ fastidju psikoloġiku” u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.
18 Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2012, dwar it-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti, id-Direttur Ġenerali kompetenti tal-Parlament iddikjara li ma kienx ser jieħu pożizzjoni dwar l-applikabbiltà jew le tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li minħabba r-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti u l-assenza twila tagħha minħabba mard din it-talba ma għadx kellha skop (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza”).
19 Fit-30 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Fit-22 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ressqet ilment skont l-istess artikolu kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza.
20 Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament laqa’ parzjalment l-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija billi ddeċieda li jipposponi d-data ta’ skadenza tal-kuntratt tar-rikorrenti sal-20 ta’ Ġunju 2012 minħabba l-leave tal-mard tagħha b’ċertifikat mediku sad-19 ta’ April 2012, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 139(1)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.
21 Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament ċaħad l-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza.
It-talbiet tal-partijiet
22 Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jannulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija;
– jannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza;
– sa fejn huwa neċessarju, jannulla d-deċiżjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-20 ta’ Lulju 2012, li tiċħad l-ilment tagħha tat-30 ta’ Marzu 2012 kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, u tat-8 ta’ Ottubru 2012, li tiċħad l-ilment tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2012 kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza;
– jikkundanna lill-Parlament iħallasha s-somma ta’ EUR 120 000 bħala danni;
– jikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.
23 Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jiċħad ir-rikors bħala infondat;
– jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti
24 Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament imressqa formalment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom, fil-każ li din id-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, l-effett li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8 u s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Lulju 2009, Hoppenbrouwers vs Il‑Kummissjoni, F‑104/07, punt 31). F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi d-deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2012, li tiċħad l-ilment tat-30 ta’ Marzu 2012 kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, kif ukoll id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2012, li tiċħad l-ilment tat-22 ta’ Ġunju 2012 kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, huma nieqsa minn kontenut awtonomu, it-talbiet għal annullament għandhom jitqiesu li huma intiżi biss kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza.
Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza
L-argumenti tal-partijiet
– L-argumenti tar-rikorrenti
25 Skont ir-rikorrenti, teżisti rabta diretta bejn il-fastidju inkwistjoni, il-persuna li kkawżat il-fastidju u d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, għaliex din id-deċiżjoni hija bbażata fuq it-talba tal-persuna li kkawżat il-fastidju, is-Sinjura P. Ir-rikorrenti tosserva li l-fatti li jikkostitwixxu l-fastidju ġew deskritti b’mod preċiż u bir-reqqa u, sa fejn possibbli, iddokumentati fit-talba għal assistenza u fl-ilmenti, b’tali mod li s-Sinjura P. ma setgħetx tallega li hija ma kinitx taf bis-sitwazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-aġir tas-Sinjura P., ir-rikorrenti ssostni li hija turi nuqqas ta’ sodisfazzjon kostanti li jirriżulta fi tbaxxija sistematika tal-valur tax-xogħol tagħha u tal-kapaċitajiet tagħha, fi kritika kontinwa, li tweġġa’ u li ma hijiex kostruttiva, kemm fil-preżenza tagħha kif ukoll fil-preżenza ta’ terzi, u tqiegħed inkwistjoni b’mod kostanti x-xogħol tagħha. Skont ir-rikorrenti, ma hijiex iktar il-kwalità tax-xogħol tagħha li qed titqiegħed inkwistjoni, iżda l-karattru tagħha u d-dinjità tagħha.
26 Sussegwentement, ir-rikorrenti tagħti eżempji konkreti tal-aġir tas-Sinjura P. li hija tqis abbużiv fil-konfront tagħha, b’mod partikolari ta’ istanzi ta’ tbaxxija tal-valur tax-xogħol tagħha quddiem terzi. Ir-rikorrenti tikkonkludi li skont is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA (F‑2/09), id-deċiżjoni ta’ tkeċċija hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter u li għandha tiġi annullata. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma ttiħditx bl-għan li s-Sinjura P. tkun tista’ tkeċċi assistent li magħha ma kinitx għadha teżisti r-rabta ta’ fiduċja, iżda bl-għan li “teħles” minn assistent li t-talba tagħha għal assistenza setgħet tikkawżalha preġudizzju. Ir-rikorrenti żżid li kienet l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“AHCC”), li quddiemha tressqet talba għal tkeċċija, li kellha tevalwa l-validità tar-raġunijiet invokati mis-Sinjura P. L-AHCC ma tistax tillimita ruħha li tilqa’ kull talba ta’ tkeċċija minn Membru fil-konfront tal-assistent tiegħu, a fortiori meta dan tal-aħħar ikun ressaq talba għal assistenza. Għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, ir-rikorrenti tosserva li l-Parlament mhux biss irrifjuta li jannulla deċiżjoni vvizzjata manifestament minn użu ħażin ta’ poter, iżda naqas ukoll milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi jinjora indizji mressqa debitament u billi jastjeni milli jiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-użu ħażin ta’ poter. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li ż-żamma tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ppermettiet, sussegwentement, lill-Parlament jiġġustifika d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza minħabba l-fatt li, fid-dawl tat-tkeċċija, din t-talba ma għadx kellha skop. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tiġi annullata wkoll sa fejn din tikser l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-garanzija li din id-dispożizzjoni tagħti lill-aġenti li jiddenunċjaw ċirkustanzi li jammontaw għal fastidju.
27 Għal dak li jirrigwarda l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunijiet invokati insostenn tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u r-rifjut tal-Parlament li jirrikonoxxi dan l-iżball. Ir-rikorrenti tfakkar li wara kważi sentejn ta’ kollaborazzjoni, is-Sinjura P. iddeċidiet li żżommha fis-servizz tagħha skont l-ewwel kuntratt tagħha. Fir-rigward tal-argument, invokat insostenn tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, ta’ aġir inaċċettabbli tar-rikorrenti fil-konfront tal-kollegi tagħha, hija tosserva li ebda prova ma ġiet prodotta dwar din l-allegazzjoni.
28 Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, ir-rikorrenti tiċċita s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni (F‑95/09), u tenfasizza li deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tirrendix, ipso facto, mingħajr skop talba għal assistenza. Minkejja li hija tammetti li l-miżuri ta’ separazzjoni mitluba ma kinux iktar ta’ interess wara t-tkeċċija, hija ssostni li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal japplika għall-APA u li għaldaqstant hija ma setgħetx tiġi rrifjutata l-assistenza u, b’hekk, il-ftuħ ta’ investigazzjoni.
– L-argumenti tal-Parlament
29 Bħala introduzzjoni, il-Parlament għamel xi osservazzjonijiet dwar l-istatus ta’ APA. Qabelxejn, il-Parlament isostni li l-ġurisprudenza fil-qasam ta’ rexissjoni ta’ kuntratti bħala membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tista’ tiġi applikata b’analoġija għat-tkeċċija ta’ APA, peress li l-fiduċja reċiproka hija element essenzjali komuni għaż-żewġ tipi ta’ kuntratti. F’dan ir-rigward, il-Parlament jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (T‑406/04), u għas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Lulju 2010, Tomas vs Il‑Parlament (F‑116/07, F‑13/08 u F‑31/08). Għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ibbażata fuq l-Artikolu 139(1)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fuq l-Artikolu 20(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni, il-Parlament jispjega li, meta l-AHCC kompetenti tirċievi minn Membru talba sabiex jintemm kuntratt ta’ APA qabel l-iskadenza tiegħu minħabba l-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, hija tista’ biss tieħu konjizzjoni ta’ dan il-ksur u tilqa’ t-talba għal tkeċċija. Fil-fatt, l-AHCC ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ din it-talba. Għal dak li jikkonċerna l-eżami tal-imsemmija talba mill-AHCC previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni, il-Parlament jippreċiża li dan huwa biss trattament amministrattiv fid-dawl tal-preparazzjoni tat-tkeċċija, kif ukoll tal-implementazzjoni tal-proċedura b’osservanza tat-terminu ta’ preavviż previst fl-Artikolu 139(1)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għaldaqstant, dejjem skont il-Parlament, l-AHCC ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ talba għal tkeċċija fil-konfront ta’ APA bbażata fuq it-telf tar-rabta ta’ fiduċja. L-AHCC għalhekk kellha kompetenza limitata għall-effett li tirrexxindi l-kuntratt tar-rikorrenti, billi taġixxi fuq it-talba tas-Sinjura P., minħabba t-telf ta’ fiduċja indispensabbli għall-kontinwazzjoni ta’ relazzjoni professjonali bejnha u bejn r-rikorrenti.
30 Għal dak li jikkonċerna l-użu ħażin ta’ poter u l-fastidju psikoloġiku, il-Parlament josserva li l-allegazzjonijiet u l-akkużi tar-rikorrenti ma huma akkumpanjati minn ebda dokument jew prova li jippermettu li tiġi stabbilita l-veraċità tagħhom u li l-affermazzjoni tagħha li tgħid li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter minħabba l-fatt li ttieħdet sabiex tikkawżalha fastidju psikoloġiku għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Il-Parlament iżid li ċ-ċirkustanza li r-rapporti mediċi annessi mar-rikors jindikaw li l-marda ta’ ansjetà depressiva tar-rikorrenti kienet dovuta għal “esperjenza ta’ fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol” ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali fastidju, billi dawn ir-rapporti huma bbażati fuq id-deskrizzjoni suġġettiva mir-rikorrenti tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Il-Parlament josserva wkoll li s-Sinjura P. ikkuntattjat lid-diviżjoni kompetenti għall-ewwel darba bejn it-28 ta’ Novembru u l-5 ta’ Diċembru 2011 dwar il-proċedura li għandha ssegwi sabiex tkeċċi lir-rikorrenti, u għalhekk ħafna qabel it-tressiq tat-talba għal assistenza. Minn dan jirriżulta, dejjem skont il-Parlament, li l-AHCC ma adottatx id-deċiżjoni ta’ tkeċċija sabiex “teħles” mir-rikorrenti wara l-preżentazzjoni tat-talba tagħha għal assistenza. Fl-aħħar nett, il-Parlament jikkontesta l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija.
31 Għal dak li jirrigwarda l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Parlament isostni li r-rikorrenti, li kienet inkarigata b’mod partikolari bl-evalwazzjoni ta’ jekk kienx opportun li tippreżenta jew le emendi fil-fajl dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), ma stabbilixxietx li l-emendi proposti ma kinux “mhux preżentabbli”. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma pproduċietx il-prova li l-AHCC wettqet tali żball. Sussegwentement, fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-Parlament ma akkużax lir-rikorrenti talli segwiet b’mod żbaljat il-ħidma tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. F’dan ir-rigward, il-Parlament jenfasizza li r-rikorrenti, li kienet taqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet II, kienet meħtieġa teżerċita prinċipalment funzjonijiet ta’ redazzjoni u ta’ konsulenza. Madankollu, fl-ittra tat-2 ta’ Frar 2012, l-AHCC indikat li minkejja li r-rikorrenti “[setgħet] twettaq kompiti segretarjali, hija ma [tatx] prova tal-ġudizzju politiku [...] neċessarju sabiex tkun tista’ [...] tassisti b’mod effettiv [lis-Sinjura P.] fil-monitoraġġ [tal-ħidma] tal-kumitati parlamentari”.
32 Għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, il-Parlament josserva qabelxejn li l-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex applikabbli għall-Membri. Sussegwentement, il-Parlament isostni li ċ-ċaħda tat-talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva hija bbażata fuq żewġ raġunijiet: minn naħa, fuq il-fatt li din it-talba ma għadx kellha skop wara t-tkeċċija tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-konfront tal-Membri. Għalhekk, il-Parlament isostni li l-AHCC ma setgħetx tilqa’ t-talba għal assistenza. Għaldaqstant, dejjem skont il-Parlament, il-motif ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi miċħud. Il-Parlament iżid li l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti hija f’kull każ eskluża għaliex, skont l-Artikolu 5a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huma l-Membri stess li jitolbu lill-amministrazzjoni sabiex jiġu rreklutati l-assistenti tal-għażla tagħhom.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq ir-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti
33 Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.
34 Ma huwiex ikkontestat, f’din il-kawża, li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tikkostitwixxi miżura individwali li tolqot negattivament lir-rikorrenti.
35 Issa, mill-proċess jirriżulta li l-AHCC ma semgħetx lir-rikorrenti qabel ir-rexissjoni tal-kuntratt tagħha. Meta saritlu mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, il-Parlament ikkonferma espliċitament dan il-fatt.
36 Skont il-Parlament, mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ rexissjoni ta’ kuntratti bħala membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li huwa jsostni li tista’ tiġi applikata b’analoġija għat-tkeċċija ta’ APA, jirriżulta li l-AHCC ma hijiex obbligata tisma’ lil APA qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt tiegħu.
37 Sa fejn il-Parlament għandu l-intenzjoni jinvoka l-ġurisprudenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u dik tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li tgħid li, meta deċiżjoni ta’ tkeċċija tirriżulta minħabba telf ta’ fiduċja, il-parti kkonċernata ma jkollhiex garanziji proċedurali, bħad-dritt għal smigħ matul il-proċedura amministrattiva, biżżejjed jiġi osservat li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Karta, li għandhom l-istess valur legali bħat-Trattati.
38 Madankollu, sabiex ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal, f’dan il-każ, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, huwa neċessarju wkoll li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina din il-kwistjoni fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.
39 Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Parlament li jgħid li, meta l-AHCC kompetenti tirċievi minn Membru talba sabiex jintemm kuntratt ta’ APA qabel l-iskadenza tiegħu, minħabba l-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, hija tista’ biss tieħu konjizzjoni ta’ dan il-ksur u tilqa’ t-talba għal tkeċċija, għaliex hija ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ din it-talba.
40 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 20(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni, il-Membru li jitlob ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ APA għandu “jippreċiża r-raġuni jew ir-raġunijiet” u li, skont it-tieni subparagrafu, l-AHCC għandha ttemm il-kuntratt “[w]ara eżami tat-talba”. Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-AHCC għandha mill-inqas teżamina l-legalità tat-talba għal rexissjoni. Fil-każ kuntrarju, l-obbligu tal-Membru li “jippreċiża r-raġuni jew ir-raġunijiet” u l-obbligu tal-AHCC li teżamina t-talba jkunu nieqsa minn kull sinjifikat.
41 Għaldaqstant, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-portata tal-eżami tat-talba mill-AHCC skont l-Artikolu 20(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu tirrikjedi li l-AHCC tivverifika jekk ir-raġuni eventwalment mogħtija f’dan ir-rigward tiksirx, min-natura tagħha stess, id-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bonnet vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52) u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, interpretati fid-dawl tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, waqt is-seduta, il-Parlament iddikjara li, fil-kuntest tal-eżami previst fl-imsemmi artikolu, huwa eżamina effettivament jekk it-talba għar-rexissjoni tal-kuntratt kinitx tirrispetta d-drittijiet fundamentali.
42 Minn dan jirriżulta li l-AHCC kellha effettivament l-obbligu li teżamina jekk kinitx teżisti rabta bejn it-talba tas-Sinjura P. tas-6 ta’ Jannar 2012 għar-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti u l-fatt li din tal-aħħar kienet ippreżentat, fit-22 ta’ Diċembru 2011, talba għal assistenza, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandha bħala suġġett l-allegat fastidju mis-Sinjura P. fil-konfront tagħha u l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva.
43 F’dan ir-rigward, il-Parlament isostni li tali possibbiltà kienet eskluża mill-fatt li s-Sinjura P. ikkuntattjat lis-servizzi kompetenti bejn it-28 ta’ Novembru u l-5 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri ħafna qabel it-tressiq mir-rikorrenti tat-talba tagħha għal assistenza, sabiex tikseb ċerta informazzjoni dwar il-kuntratt tar-rikorrenti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma pproduċa l-ebda prova f’dan ir-rigward.
44 Sussegwentement, huwa minnu li, fis-6 ta’ Jannar 2012, data li fiha s-Sinjura P. talbet ir-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti, l-AHCC kienet taf dwar iċ-ċertifikati mediċi pprovduti mir-rikorrenti li minnhom jirriżulta mingħajr ebda ambigwità li, skont it-tobba kkonsultati, il-mard tagħha, li rrikjeda li titpoġġa fuq leave tal-mard mis-27 ta’ Settembru 2011, kien ikkawżat mill-fastidju li hija sofriet fuq il-post tax-xogħol tagħha. Huwa minnu wkoll li, fit-12 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti bagħtet messaġġ elettroniku lis-Sinjura P., li fih hija informatha dwar l-eżawriment tagħha “wara l-fastidju ta’ kuljum li tiegħu [hija kienet] vittma min-naħa [tagħha]”, u li, fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti bagħtet kopja ta’ dan il-messaġġ elettroniku lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u lill-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju psikoloġiku. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fid-19 ta’ Diċembru 2011, is-Sinjura P. bagħtet messaġġ elettroniku lis-servizz kompetenti, li fih hija informathom dwar il-messaġġ elettroniku tar-rikorrenti tat-12 ta’ Diċembru 2011, li kienet, fl-opinjoni tas-Sinjura P., “insolenti ħafna”. Permezz ta’ dan l-istess messaġġ elettroniku, is-Sinjura P. xtaqet ukoll tikseb informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ rexissjoni tal-kuntratti ta’ APA.
45 It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, ikkunsidrati flimkien, il-fatti msemmija iktar ’il fuq kellhom iwasslu lill-AHCC, fil-kuntest tal-eżami tagħha, skont l-Artikolu 20(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni, sabiex teżamina jekk it-talba għar-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti setgħetx jew le jkollha rabta mat-talba għal assistenza mressqa minnha fit-22 ta’ Diċembru 2011. Filwaqt li tirrikonoxxi n-natura diffiċli u delikata ta’ dan l-eżami, l-AHCC setgħet, billi taġixxi hekk, tiggarantixxi b’mod sħiħ, f’dan il-każ, l-osservanza tal-Artikolu 31(1) tal-Karta, li jipprevedi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.
46 Issa, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Parlament waqt is-seduta, wara li rċeviet, fis-6 ta’ Jannar 2012, it-talba tas-Sinjura P. għar-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti, l-AHCC astjeniet milli teżamina l-imsemmija talba u stenniet il-konferma tagħha, li ngħatat fit-18 ta’ Jannar ta’ wara. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ukoll li l-ommissjoni tal-AHCC li twettaq l-eżami tat-talba għal rexissjoni previst fl-Artikolu 20(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni hija kkonfermata miċ-ċirkustanza li l-kuntratt tar-rikorrenti ġie rexiss il-ġurnata ta’ wara l-konferma tat-talba, jiġifieri fid-19 ta’ Jannar 2012, u dan minkejja li l-AHCC kienet taf perfettament li r-rikorrenti kienet fuq leave tal-mard.
47 Minn dan jirriżulta b’mod manifest li, wara t-talba tas-Sinjura P., l-AHCC lanqas biss ma kienet wettqet verifika minima sabiex tiżgura jekk ġewx osservati, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 139(1)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jipprevedu li t-terminu ta’ preavviż ta’ xahrejn li għalih kellha dritt ir-rikorrenti kellu jiġi sospiż sad-19 ta’ April 2012. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata wkoll li kien biss fir-risposta tal-20 ta’ Lulju 2012 għall-ilment tat-30 ta’ Marzu 2012 li l-AHCC irrettifikat dan l-iżball.
48 Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk setax ikun hemm riżultat differenti li kieku r-rikorrenti nstemgħet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, li kieku r-rikorrenti nstemgħet, l-AHCC kienet tkun tista’ tikseb iktar informazzjoni sabiex teżamina jekk it-talba għar-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti setgħetx jew le jkollha rabta mat-talba għal assistenza tagħha u, kif ġie osservat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, b’hekk tiggarantixxi b’mod sħiħ l-osservanza tal-Artikolu 31(1) tal-Karta.
49 Minn dan jirriżulta li billi adottat id-deċiżjoni ta’ tkeċċija l-AHCC kisret, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 31(1) u taħt l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, kif ukoll taħt l-Artikolu 20(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi annullata.
– Fuq iċ-ċaħda tat-talba għal assistenza
50 Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Parlament li jgħid li l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex applikabbli għall-Membri ta’ din l-istituzzjoni u li, għalhekk, ma setax jilqa’ t-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti.
51 Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 12a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss għall-uffiċjali, huwa minnu wkoll li t-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għal “[u]ffiċjal li kien vittma ta’ turment [fastidju] psikoloġiku” mingħajr ebda riferiment għas-sors ta’ dan il-fastidju. Minn dan jirriżulta li l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprekludix fis-sens strett tal-kelma lill-Parlament milli jaġixxi, meta l-awtur preżunt tal-fastidju jkun Membru ta’ din l-istituzzjoni.
52 Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Parlament li jgħid li t-talba għal assistenza mressqa fit-22 ta’ Diċembru 2011 ma għadx kellha skop wara r-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti.
53 It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li dan l-argument huwa inkomprensibbli. Fil-fatt, jekk, qabel id-data ta’ rexissjoni tal-kuntratt, ir-rikorrenti kienet effettivament vittma ta’ fastidju mis-Sinjura P., dawn il-fatti jkunu diġà seħħew u r-rexissjoni tal-kuntratt ma tistax, f’dan il-każ, tħassarhom. Jekk wieħed jassumi li l-Parlament għandu l-intenzjoni, permezz ta’ dan l-argument, li jsostni li d-dmir ta’ assistenza jieqaf jeżisti ladarba jintemmu l-funzjonijiet tal-uffiċjal ikkonċernat, tali interpretazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-għan u mal-portata tal-imsemmi dmir. Fil-fatt, fid-dawl tal-Artikolu 31(1) tal-Karta, li jipprevedi li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, għandu jiġi osservat li d-dmir ta’ assistenza jeżisti mhux biss fl-interess tas-servizz, iżda wkoll, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, fl-interess tal-persuna kkonċernata. Dan huwa iktar u iktar minnu meta t-talba għal assistenza toriġina minn uffiċjal li jallega li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku u li l-konsegwenzi tiegħu jistgħu jkomplu wara t-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Parlament iddikjara li dan l-argument, li jgħid li t-talba għal assistenza ma għadx kellha skop minħabba r-rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti, ma ġiex ifformulat tajjeb.
54 Il-Parlament isostni wkoll li, f’dan il-każ, l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex applikabbli peress li l-persuna li allegatament ikkawżat il-fastidju hija Membru.
55 F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-għan tiegħu huwa li l-uffiċjali jiġu protetti mill-aġir ta’ terzi. F’dan il-każ, il-persuna li allegatament ikkawżat il-fastidju hija Membru li, billi ma tappartjenix għall-persunal tal-Parlament, għandha, fir-rigward tal-allegata vittma tal-aġir tagħha, il-kwalità ta’ terza persuna.
56 Il-Parlament isostni wkoll li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi applikat fil-każ tas-Sinjura P., għaliex ma għandu ebda setgħa vinkolanti fil-konfront tal-Membri tiegħu.
57 Dan l-argument juri wkoll qari manifestament żbaljat ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, sa fejn l-uffiċjali għandhom jiġu protetti mill-aġir ta’ terzi u fid-dawl tal-fatt li l-istituzzjonijiet, bħala prinċipju, ma għandhomx setgħat vinkolanti fil-konfront ta’ terzi persuni, ir-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu dmir ta’ assistenza li jippermetti lill-amministrazzjoni tassisti lill-uffiċjal li jkun qed jipprova jikseb protezzjoni permezz tal-azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli fl-Istat Membru fejn ikunu seħħew il-fatti inkriminanti.
58 Fl-aħħar nett, u mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed pożizzjoni dwar l-argument imqajjem mill-Parlament waqt is-seduta li jgħid li, fil-konfront tar-rikorrenti, is-Sinjura P., minħabba l-kwalità tagħha bħala Membru, ma tistax titqies li hija terza persuna, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew applikabbli meta seħħew il-fatti, “[l]-imġiba tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata b’rispett reċiproku, għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-pri[n]ċipji stabbiliti fit-testi bażiċi li fuqhom hija imsejsa l-Unjoni […] [u] għandha tirrispetta d-dinjità tal-Parlament […]”. Konsegwentement, xejn ma kien iwaqqaf lill-Parlament, billi jinvoka d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, milli jistieden lis-Sinjura P. sabiex tikkollabora f’investigazzjoni amministrattiva, bl-għan li jiġi vverifikat l-allegat aġir ta’ din tal-aħħar li kkawża l-fastidju u li r-rikorrenti ssostni li kienet vittma tiegħu.
59 Għall-finijiet ta’ kompletezza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Parlament lill-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-kuntratti ta’ APA, fis-sens li l-AHCC la tista’ tiftaħ investigazzjoni amministrattiva sabiex teżamina każ ta’ fastidju psikoloġiku li l-allegat awtur tiegħu huwa Membru, u lanqas ma tista’ tassisti APA kontra l-aġir ta’ tali Membru, għandha bħala effett li tirrendi l-imsemmija artikoli ineffettivi u li teskludi, f’dan il-każ, kull forma ta’ kontroll, anki limitat, tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li tali interpretazzjoni hija f’kontradizzjoni manifesta mal-Artikolu 31(1) tal-Karta, li jistabbilixxi espressament li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.
60 Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza għandha tiġi annullata.
61 Billi d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza ġew annullati, ma hemmx iktar lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.
Fuq it-talbiet għad-danni
L-argumenti tal-partijiet
62 Ir-rikorrenti titlob li l-Parlament jiġi kkundannat jikkumpensa, għas-somma totali ex æquo et bono ta’ EUR 120 000, id-dannu mediku, finanzjarju u morali li hija allegatament ġarrbet minħabba d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza.
63 Il-Parlament jitlob li din it-talba tiġi miċħuda.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
64 Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti, meta titlob il-kumpens għad-dannu mediku, finanzjarju u morali, għandha titqies li qiegħda titlob kumpens finanzjarju għad-dannu morali li jirriżulta mill-ħsara għal saħħitha, għad-dinjità tagħha u għar-reputazzjoni professjonali tagħha kkawżata mid-deċiżjonijiet inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat minn illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens xieraq u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, punt 22; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, punt 127; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il‑Kunsill, F‑6/07, punt 151), sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li huwa distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat għal kollox b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, punti 27 u 28 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, punt 131).
65 It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li huwa paċifiku li s-sens ta’ inġustizzja u t-turmenti kkawżati mill-fatt li persuna jkollha tibda proċedura prekontenzjuża, u wara kontenzjuża, sabiex tikseb ir-rikonoxximent tad-drittijiet tagħha jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni wettqet illegalitajiet. Fid-dawl tal-fatt li dawn id-danni jistgħu jiġu kkumpensati meta ma humiex irreparati mis-sodisfazzjon li jirriżulta mill-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Lulju 2013, CC vs Il‑Parlament, F‑9/12, punt 128), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li kkunsidra l-kundizzjonijiet ferm dubjużi li fihom ittieħdu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, iqis li tkun evalwazzjoni ġusta, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, tad-dannu morali mġarrab jekk il-kumpens għal dan id-dannu jiġi ffissat, ex æquo et bono, għas-somma ta’ EUR 50 000.
66 Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-Parlament għandu jiġi kkundannat għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 50 000 lir-rikorrenti.
Fuq l-ispejjeż
67 Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess Regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.
68 Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Parlament tilef. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)
jaqta’ u jiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tad-19 ta’ Jannar 2012, li tirrexxindi l-kuntratt ta’ CH bħala assistent parlamentari akkreditat hija annullata.
2) Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-15 ta’ Marzu 2012, li tiċħad it-talba għal assistenza ta’ CH tat-22 ta’ Diċembru 2011 hija annullata.
3) Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil CH is-somma ta’ EUR 50 000.
4) Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn CH.
Kreppel
Perillo
Barents
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2013.
W. Hakenberg
H. Kreppel
Ir-Reġistratur
Il-President
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy