3.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/27
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2012 — ZZ vs Il-Kummissjoni
(Kawża F-3/12)
2012/C 65/54
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: ZZ (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Suġġett
Talba sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas somma bħala kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrent minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura għar-rikonoxximent tal-gravità tal-marda li kien isofri minnha.
Talbiet tar-rikorrent
—
jannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tat-23 ta’ Novembru 2010 li r-rikorrent ressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra;
—
jannulla n-nota bir-referenza HR.D.2/MB/ls/Ares(2011) 74616, bid-data tal-24 ta’ Jannar 2011, li r-rikorrent irċieva personalment fit-3 ta’ Marzu 2011 u li persuna li kellha l-fiduċja tiegħu rċeviet f’data li ma kinitx qabel il-25 ta’ Frar 2011;
—
sa fejn ikun opportun, jannulla l-att, irrispettivament mill-forma tiegħu, li permezz tiegħu l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tal-20 ta’ Mejju 2011 imressaq kontra d-deċiżjoni li tiċħad it-talba tat-23 ta’ Novembru 2010 u intiż sabiex tiġi annullata din id-deċiżjoni ta’ ċaħda kif ukoll sabiex tintlaqa’ t-talba tat-23 ta’ Novembru 2010, liema lment tal-20 ta’ Mejju 2011 tressaq mir-rikorrent quddiem l-Awtorità tal-Ħatra;
—
sa fejn ikun meħtieġ, jikkonstata li l-proċedura intiża sabiex tiġi indirizzata t-talba tal-25 ta’ Novembru 2002 imressqa mir-rikorrent quddiem il-KE ħadet iktar minn ħames snin;
—
sa fejn ikun meħtieġ, jiddikjara li t-tul tal-proċedura msemmija kien, saħansitra fid-data meta tressqet it-talba tat-23 ta’ Novembru 2010, mar lil hinn minn tul raġonevoli u li, minn tal-inqas għal din ir-raġuni, kien wieħed eċċessiv u illegali;
—
minħabba f’hekk, jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tikkumpensa d-dannu, ta’ natura materjali u mhux materjali, li r-rikorrent ġarrab b’mod inġust sad-data tat-talba tat-23 ta’ Novembru 2010, b’konsegwenza tat-tul irraġonevoli, eċċessiv u illegali tal-proċedura msemmija, u dan billi tagħtih is-somma ta’ EUR 10 000 jew inkella kwalunkwe somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal jikkunsidra ġusta u ekwa;
—
jikkundanna lill-Kummissjoni tagħti lir-rikorrent, b’effett mill-ġurnata ta’ wara dik li fiha t-talba tat-23 ta’ Novembru 2010 wasslet għand il-Kummissjoni u sal-ħlas effettiv tas-somma ta’ EUR 10 000, interessi fuq din is-somma, b’kapitalizzazzjoni annwali, bir-rata ta’ 10 % fis-sena jew inkella bir-rata li t-Tribunal jikkunsidra ġusta u ekwa;
—
jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy