SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
12 ta’ Frar 2015 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva B — Trade mark internazzjonali figurattiva preċedenti li tirrappreżenta żewġ ġwienaħ miftuħa — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Assenza ta’ ħsara għar-reputazzjoni — Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009”
Fil-Kawża T‑505/12,
Compagnie des montres Longines, Francillon SA, stabbilita f’Saint‑Imier (l‑Isvizzera), irrappreżentata minn P. González-Bueno Catalán de Ocón, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn F. Mattina, sussegwentement minn P. Bullock, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet
Xiuxiu Cheng, residenti f’Budapest (l-Ungerija),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-UASI, tal-14 ta’ Settembru 2012 (Każ R 193/2012‑5), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Compagnie des montres Longines, Francillon SA u Xiuxiu Cheng,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,
Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2012,
wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2013,
wara li rat id-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2013 li tirrifjuta l-preżentata ta’ replika,
wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,
wara s-seduta tas-27 ta’ Marzu 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fl-20 ta’ Lulju 2009, Xiuxiu Cheng ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
2
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti, bl-iswed u abjad:
3
Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
—
klassi 9: “Nuċċalijiet tax-xemx ottiċi”;
—
klassi 25: “Ħwejjeġ u xedd is-saqajn [Ħwejjeġ u żraben]”.
4
L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 84/2010, tal-10 ta’ Mejju 2010.
5
Fit-30 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti, Compagnie des montres Longines, Francillon SA, ressqet oppożizzjoni taħt l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.
6
L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark internazzjonali figurattiva preċedenti Nru 401319 riprodotta iktar ’il quddiem, li tipproduċi l-effetti tagħha b’mod partikolari fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fil-Benelux, fil-Bulgarija, fi Spanja, fl-Estonja, fi Franza, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Portugall, fir-Repubblika Ċeka, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fis-Slovenja, u li b’mod partikolari tindika l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 14 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Arloġġi, mekkaniżmi, imballaġġi għall-arloġġi, wċuħ ta’ arloġġi, ċineg tal-arloġġi; kronometri; kronografi; apparat għaż-żamma tal-ħin matul avvenimenti sportivi; arloġġi bil-pendlu, arloġġi minjaturi u żveljarini; l-apparat kollu għaż-żamma tal-ħin, arloġġi tal-ġojjellerija, ġojjelli u ġojjellerija; apparat għall-ħin, apparat u pannelli li juru l-ħin”.
7
Ir-raġunijiet invokati sabiex isostnu l-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009.
8
Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi għar-raġuni li l-prodotti msemmija bit-trade marks inkwistjoni kienu differenti, b’mod li waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx issodisfatta. Fir-rigward tal-bażi tal-oppożizzjoni bbażata fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, hija kkonkludiet li r-rikorrenti ma kienx irnexxielha turi, għall-Istati Membri kollha rilevanti, li t-trade mark internazzjonali preċedenti kienet rinomata għall-prodotti tal-kategorija “Strumenti li juru l-ħin u kronometriċi”, li jaqgħu taħt il-klassi 14, li hija l-unika kategorija li għaliha saret pretensjoni ta’ reputazzjoni.
9
Fil-25 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.
10
Permezz ta’ deċiżjoni tat-14 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kollha kemm hi.
11
L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkonstata, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti li għalih kienu indirizzati l-prodotti protetti bit-trade marks kunfliġġenti, li dan kien ikkostitwit kemm mill-pubbliku ġenerali kif ukoll minn professjonisti speċjalizzati tas-settur tal-arloġġi u li, fiż-żewġ każijiet, l-imsemmi pubbliku kellu jitqies bħala normalment informat, raġonevolment attent u avżat.
12
It-tieni nett, il-Bord tal-Appell sostna li l-prodotti inkwistjoni kienu differenti kemm fin-natura tagħhom kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom. Skont dan, dawn ma kinux f’kompetizzjoni u lanqas ma kienu jikkumplimentaw lil xulxin. Dan ikkonkluda li, fl-assenza ta’ xi xebh tal-prodotti, waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx issodisfatta u li għaldaqstant ma setax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
13
It-tielet nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, qabelxejn, il-Bord tal-Appell sostna li dan ser jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-provi addizzjonali dwar ir-reputazzjoni tal-prodotti tal-kategorija “Strumenti li juru l-ħin u kronometriċi” li jaqgħu fil-klassi 14, li r-rikorrenti kienet ipproduċiet għall-ewwel darba quddiemu u li jiżdiedu ma’ dawk diġà ppreżentati, f’dan ir-rigward, quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.
14
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, filwaqt li l-imsemmija provi, imressqa mir-rikorrenti, urew b’mod ċar li l-prodotti tagħha kienu ferm imfittxija fis-suq u li dawn kienu ilhom jiġu kkummerċjalizzati fis-suq rilevanti għal iktar minn seklu, huma wrew ukoll li normalment dawn il-prodotti qatt, jew kważi qatt, ma kienu indikati permezz tas-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża meħud b’mod iżolat. Għall-kuntrarju, it-trade mark affissata fuqhom kienet komposta minn għaqda tat-trade mark figurattiva li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni u l-kelma stilizzata “longines”.
15
Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx intwera li t-trade mark internazzjonali figurattiva, li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, tiġi, fl-assenza tal-kelma “longines”, rikonoxxuta bħala tali fil-kuntest ta’ “strumenti li juru l-ħin u kronometriċi” minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti f’parti sostanzjali tat-territorji tal-Bulgarija, tal-Benelux, tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka, tal-Estonja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Greċja, tal-Ungerija, tal-Italja, tal-Litwanja, tal-Latvja, tal-Portugall, tar-Rumanija, tas-Slovakkja u tas-Slovenja. Skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma wrietx li l-pubbliku rilevanti jirnexxielu, mingħajr sforzi partikolari, jassoċja t-trade mark figurattiva inkwistjoni mal-prodotti tagħha li jappartjenu għall-kategorija msemmija iktar ’il fuq.
It-talbiet tal-partijiet
16
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-UASI u lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI għall-ispejjeż.
17
L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
18
Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi insostenn tar-rikors. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009
19
Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonkluda li x-xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni huwa assenti u li huwa naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni x-xebh viżiv u kunċettwali tagħhom. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell bi żball ikkunsidra li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx applikabbli.
20
L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
21
Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta, għal raġuni ta’ identiċità jew tax-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identiċità jew ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.
22
Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm riskju li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra EU:T:2003:199, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].
23
Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati huwa preżunt li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa rari li l-konsumatur medju jkollu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks differenti u li huwa jkollu jafda fl-istampa imperfetta tagħhom li jkun żamm fil-memorja tiegħu. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni (ara s-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, punt 22 iktar ’il fuq, EU:T:2003:199, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati minnhom. Dan jirrigwarda kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI — easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].
25
Barra minn hekk, iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni. B’hekk, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, jew intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx. Il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, u b’mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, għandu għaldaqstant jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni [ara s-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI, C‑108/07 P, EU:C:2008:234, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Farmeco vs UASI — Allergan (BOTUMAX), T‑131/09, EU:T:2010:458, punt 67].
26
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, huwa biżżejjed li f’parti tal-Unjoni Ewropea tkun teżisti raġuni relattiva għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI — Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra, EU:T:2006:397, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata].
27
Huwa fir-rigward tal-prinċipji esposti fil-punti 21 sa 26 iktar ’il fuq li, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikorrenti.
Fuq il-pubbliku rilevanti u fuq il-livell ta’ attenzjoni tiegħu
28
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark preċedenti hija trade mark internazzjonali li tipproduċi l-effetti tagħha b’mod partikolari f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni, kif imfakkra fil-punt 6 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-pubbliku rilevanti f’dawn l-Istati Membri.
29
Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi li jistgħu jagħmlu użu kemm mill-prodotti protetti mit-trade mark preċedenti kif ukoll minn dawk deskritti fl-applikazzjoni għat-trade mark [ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, PVS vs UASI — MeDiTA Medizinische Kurierdienst (medidata), T‑270/09, EU:T:2010:419, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżami tar-raġunijiet għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, Ġabra EU:C:2007/99, punt 34).
30
Fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell sostna li l-prodotti kunfliġġenti kienu ddestinati kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għal professjonisti speċjalizzati fl-istrumenti li juru l-ħin, li kienu, f’kull każ, meqjusa bħala normalment informati u raġonevolment attenti u avżati.
31
Ir-rikorrenti ma tikkontestax id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti jew tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu, iżda ssostni biss li l-“klijenti veri” u l-klijenti potenzjali tal-prodotti inkwistjoni jikkostitwixxu kategoriji li jikkoinċidu. Skont din, konsumatur li jixtri uħud mill-prodotti inkwistjoni jista’ jixtri oħra wkoll. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tenfasizza li dawk li jixtru oġġetti onerużi u prodotti ta’ lussu jistgħu wkoll jixtru prodotti rħas. Għalhekk, il-konsumaturi tal-prodotti inkwistjoni huma l-istess.
32
Il-Qorti Ġenerali tqis li l-prodotti kollha inkwistjoni huma indirizzati għall-pubbliku ġenerali u, fir-rigward tal-prodotti protetti mit-trade mark preċedenti, għall-professjonisti speċjalizzati tal-istrumenti li juru l-ħin ukoll. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ħa inkunsiderazzjoni pubbliku kompost b’dan il-mod.
33
F’dak li jikkonċerna l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li l-kategoriji ta’ prodotti inkwistjoni huma fformulati b’mod wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi wħud li jistgħu jinxtraw minn kulħadd, jiġifieri anki minn konsumaturi li ma jkollhomx livell ta’ attenzjoni għoli matul ix-xiri.
34
Fil-fatt, minkejja li l-prodotti deskritti mit-trade mark preċedenti, kif ukoll in-nuċċalijiet tax-xemx ottiċi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark u li jaqgħu fil-klassi 9, huma, fil-parti l-kbira tagħhom, mixtrija b’mod mhux regolari, u dan permezz ta’ bejjiegħ, jiġifieri f’ċirkustanzi fejn il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju għandu jitqies bħala superjuri għal-livell normali ta’ attenzjoni u, għaldaqstant, bħala pjuttost għoli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Devinlec vs UASI — TIME ART (QUANTUM), T‑147/03, Ġabra, EU:T:2006:10, punt 63], xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan ma huwiex il-każ għal dawn il-prodotti kollha, sa fejn ċerti arloġġi, ċerti ċineg tal-arloġġi, ċerti żveljarini, xi biċċiet ta’ ġojjellerija artifiċjali jew anki ċerti nuċċalijiet tax-xemx ottiċi jistgħu jiġu akkwistati mingħajr ma l-konsumatur jagħti attenzjoni partikolari, b’mod partikolari meta dawn ikunu prodotti “rħas”.
35
Fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku li jixtri l-ħwejjeġ u ż-żraben msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u li jaqgħu fil-klassi 25, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, billi dawn il-prodotti jiġu kkunsmati f’ammonti kbar, mixtrija u użati b’mod frekwenti mill-konsumatur medju, il-livell ta’ attenzjoni matul ix-xiri ta’ dawn il-prodotti ma huwiex iktar għoli mill-medja. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku ma huwiex inferjuri għall-medja, peress li l-prodotti inkwistjoni huma prodotti tal-moda u peress li għaldaqstant il-konsumatur jiddedika ċertu attenzjoni għall-għażla tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Esprit International vs UASI — Marc O’Polo International (Rappreżentazzjoni ta’ ittra fuq but), T‑22/10, EU:T:2011:651, punti 45 sa 47].
Fuq it-tqabbil tal-prodotti
36
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati [ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI — Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata].
37
F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell approva l-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar id-differenza li teżisti bejn il-prodotti inkwistjoni. Huwa enfasizza li dawn kienu differenti kemm min-natura tagħhom kif ukoll mill-kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom u li huma ma kinux ta’ kompetizzjoni reċiproka għal xulxin. Hija kkonkludiet li kien hemm “assenza assoluta ta’ xebh bejn il-prodotti”.
38
B’mod iktar speċifiku, f’dak li jkkonċerna n-“nuċċalijiet tax-xemx ottiċi” deskritti fl-applikazzjoni għal trade mark, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-għan tagħhom kien totalment differenti mill-kronometri u mill-ġojjelli deskritti mit-trade mark preċedenti. Fl-opinjoni tiegħu, din il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li, f’każ bħal fl-ieħor, huma ma jistgħux jintlibsu bħala aċċessorju tal-moda. Għan-“nuċċalijiet tax-xemx ottiċi” l-għan estetiku jibqa’ sekondarju, meta mqabbel mal-għan prinċipali tagħhom li, skont hija, huwa li jikkorreġi n-nuqqasijiet tal-vista u li jipproteġu l-għajnejn mid-dawl qawwi.
39
F’dak li jikkonċerna l-“ħwejjeġ u żraben” imsemmija bl-applikazzjoni għal trade mark, il-Bord tal-Appell jirrileva li għal darb’oħra l-għan prinċipali ta’ dawn il-prodotti jikkonsisti f’li jlibbsu l-ġisem tal-bniedem u s-saqajn. Skont din, il-“ġojjellerija” tar-rikorrenti tintlibes ukoll fuq il-ġisem, iżda biss għal raġunijiet estetiċi. Għalhekk, ir-rabta bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti hija wisq dgħajfa.
40
Il-Bord tal-Appell jikkonfuta wkoll l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-prodotti inkwistjoni jikkomplementaw lil xulxin għar-raġuni li dawn huma aċċessorji tal-moda. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tagħha, ir-rabta bejn l-imsemmija prodotti hija wisq vaga. In-nuċċalijiet tax-xemx huma prinċipalment magħżula għall-karatteristiċi tekniċi tagħhom u mhux għall-fatt li dawn għandhom neċessarjament ikunu jaqblu mal-arloġġ jew mal-imsielet li wieħed jilbes. L-istess jgħodd għall-ħwejjeġ u għaż-żraben, li normalment ma jinxtrawx b’konformità stretta mal-istil tal-arloġġ u tal-ġojjellerija li wieħed jilbes. Minkejja li, skont l-importanza li konsumatur jagħti lill-moda, prodotti bħal arloġġi jew nuċċalijiet tax-xemx jistgħu jitqiesu bħala aċċessorji tal-moda jew le, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skont il-Bord tal-Appell, l-għan prinċipali tagħhom huwa differenti.
41
Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell jagħmel riferiment għas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Nute Partecipazioni u La Perla vs UASI — Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC) (T‑59/08, Ġabra, EU:T:2010:500, punt 36), billi jsostni li minnha kien jirriżulta li l-ġojjellerija u l-ħwejjeġ tan-nisa jagħmlu parti minn partijiet tas-suq viċini u li għaldaqstant hemm bżonn li jkun jeżisti ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks sabiex wieħed ikun jista’ japplika l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, skont il-Bord tal-Appell il-Qorti Ġenerali la kienet stabbilixxiet u lanqas ma kienet ikkonfermat l-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti msemmija iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, f’kawża oħra, li wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2010, 2nine vs UASI — Pacific Sunwear of California (nollie) (T‑363/08, EU:T:2010:114, punti 33 sa 41), din ikkonfermat il-konklużjoni tat-Tieni Bord tal-Appell li l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u dawk li jaqgħu fil-klassi 14, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, kienu differenti u li ma kien possibbli li jiġi stabbilit la x-xebh u lanqas allegata natura komplementari billi tibbaża ruħha fuq sempliċi kunsiderazzjonijiet estetiċi.
42
Ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u l-prodotti protetti mit-trade mark preċedenti huma simili. Skont din, huma għandhom l-istess natura, għan u skop identiċi, huma jikkumplimentaw lil xulxin, jistgħu jiġu skambjati bejniethom u għaldaqstant f’kompetizzjoni bejniethom, jaqsmu l-istess kanali ta’ distribuzzjoni u spiss jinbiegħu fl-istess stabbilimenti. Fl-aħħar nett, huma jsostnu, minn naħa, li saret prattika mifruxa li l-produtturi jestendu l-attivitajiet tagħhom għal diversi swieq marbuta, li jmorru mill-ħwejjeġ għall-kożmetiċi u jgħaddu anki mill-ġojjellerija u, min-naħa l-oħra, li l-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti huma l-istess.
43
L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
44
Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti abbażi biss ta’ paragun bejn il-prodotti inkwistjoni. Madankollu, xebh, anki dgħajjef, bejn il-prodotti inkwistjoni, impona fuq il-Bord tal-Appell li jivverifika jekk livell għoli possibbli ta’ xebh bejn is-sinjali kienx ta’ natura li joħloq, f’moħħ il-konsumatur, probabbiltà ta’ konfużjoni dwar l-oriġini tal-prodotti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza PiraÑAM diseño original Juan Bolaños, EU:T:2007:219, punt 36 iktar ’il fuq, punt 40].
45
Huwa f’dan il-kuntest li għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tgħid li l-prodotti inkwistjoni ma jixxibhux, hijiex fondata.
46
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-prodotti li għandhom jitqabblu f’dan il-każ, jiġifieri, minn naħa, in-“nuċċalijiet tax-xemx ottiċi” kif ukoll il-“ħwejjeġ u żraben” jaqgħu, rispettivament, fil-klassijiet 9 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u, min-naħa l-oħra, id-diversi prodotti ta’ strumenti li juru l-ħin, ta’ ġojjelli u ta’ ġojjellerija, elenkati fil-punt 6 iktar ’il fuq, li jaqgħu fil-klassi 14 tal-imsemmi ftehim, jagħmlu parti minn partijiet tas-suq viċini.
47
B’mod partikolari jista’ jiġi kkonstatat, b’analoġija ma’ dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-kuntest ta’ evlawazzjoni dwar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-Kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, El Corte Inglés vs UASI — Pucci International (Emidio Tucci) (T‑373/09, EU:T:2012:500, punt 66), li, anki jekk l-imsemmija kategoriji ta’ prodotti huma differenti, kull waħda minnhom tinkludi prodotti li spiss jinbiegħu bħala prodotti ta’ lussu b’ditti magħrufa ta’ disinjaturi u ta’ manifatturi li għandhom reputazzjoni. Dan il-fatt jenfasizza l-eżistenza ta’ ċertu qrubija bejn il-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-prodotti ta’ lussu.
48
Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, dejjem fil-kuntest ta’ evalwazzjoni dwar id-dispożizzjoni mfakkra fil-punt 47 iktar ’il fuq, fil-punt 79 tas-sentenza tagħha tas-27 ta’ Settembru 2012, Pucci International vs UASI — El Corte Inglés (Emidio Tucci) (T‑357/09, EU:T:2012:499), li, fil-qasam tal-prodotti ta’ lussu, prodotti bħan-nuċċalijiet, il-ġojjelli, il-ġojjellerija u l-arloġġi jinbiegħu ukoll b’ditti magħrufa ta’ disinjaturi u ta’ manifatturi li għandhom reputazzjoni u li l-fabbrikanti ta’ ħwejjeġ għaldaqstant iduru lejn is-suq tal-imsemmija prodotti. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet l-eżistenza ta’ ċertu qrubija tal-prodotti inkwistjoni.
49
Madankollu, minkejja l-fatt li l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u dawk protetti mit-trade mark preċedenti, imfakkra fil-punt 46 iktar ’il fuq, jappartjenu għal partijiet tas-suq viċini, fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta sostna li dawn kienu differenti min-natura tagħhom, mill-iskop tagħhom u mill-użu tagħhom.
50
Fil-fatt, l-ewwel nett, il-materji primi li minnhom dawn jiġu mmanifatturati huma differenti, minbarra xi xebh bejn ċerti materji li jistgħu jintużaw kemm għall-immanifatturar ta’ nuċċalijiet tax-xemx ottiċi kif ukoll għal ċerti prodotti tal-istrumenti li juru l-ħin jew tal-ġojjelli, bħalma huwa l-ħġieġ.
51
It-tieni nett, il-ħwejjeġ u ż-żraben, inklużi fil-klassi 25, jiġu mmanifatturati sabiex jgħattu l-ġisem tal-bniedem, jaħbuh, jipproteġuh u jkunu ta’ lqugħ għalih. In-nuċċalijiet tax-xemx ottiċi huma qabelxejn immanifatturati sabiex jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet tal-vista u jagħtu kumdità lill-utenti f’ċertu kundizzjonijiet meteoroloġiċi, u b’mod partikolari sabiex joffru protezzjoni mir-raġġi tax-xemx. L-arloġġi u l-istrumenti l-oħra li juru l-ħin huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex ikejlu u jindikaw il-ħin. Fl-aħħar nett, il-ġojjellerija u l-ġojjelli għandhom funzjoni purament ornamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza nollie, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2010:114, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li billi n-natura, l-iskop u l-użu tal-prodotti inkwistjoni huma differenti, huma la huma kompetituri u lanqas ma jistgħu jiġu skambjati.
53
Fil-fatt, ir-rikorrenti ma wrietx li huwa tipiku, minkejja d-differenzi msemmija iktar ’il fuq, li konsumatur li, pereżempju, ikollu l-intenzjoni li jixtri arloġġ ġdid, ċerti ġojjellerija jew xi ġojjelli, jiddeċiedi, f’daqqa waħda, li għall-kuntrarju jixtri ħwejjeġ, żraben jew nuċċalijiet tax-xemx ottiċi, u viċe-versa.
54
F’dan ir-rigward, b’mod iktar partikolari, għandu wkoll jiġi kkonstatat li ma hijiex murija l-allegazzjoni tar-rikorrenti li fis-settur tal-lussu u tal-moda, b’mod ġenerali, hija t-trade mark u l-prestiġju tagħha fost il-konsumaturi li jimmotivaw id-deċiżjoni li wieħed jixtri oġġett speċifiku u mhux in-neċessità reali li wieħed jixtri l-istess oġġett, b’mod partikolari għall-funzjonijiet tiegħu u sabiex jissodisfa bżonn determinat sew. F’dan l-istess sens, wieħed għandu jwarrab bħala mhux murija l-allegazzjoni tar-rikorrenti li fis-settur ikkonċernat il-konsumaturi prinċipalment ifittxu mhux prodotti konkreti, iżda ssodisfar tal-“bżonnijiet edonistiċi” jew li huma intiżi li jissodisfaw il-pjaċir immedjat li xiri impulsiv jagħti, bl-apparenza u l-valur tal-prodotti jkunu jipprevalu fuq fatturi oħra relatati man-natura tagħhom.
55
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li jekk wieħed jaċċetta l-fondatezza ta’ tali allegazzjonijiet, dan essenzjalment iwassal sabiex jirrendi ineffettiva kull differenzjazzjoni bejn prodotti li jappartjenu għas-settur tal-lussu u protetti mit-trade marks rispettivi, peress li t-teorija tar-rikorrenti dwar ix-xiri impulsiv intiż li jissodisfa l-pjaċir immedjat tal-konsumaturi jwassal għall-konklużjoni li probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ realment teżisti indipendentement mill-prodotti pparagunati, bil-kundizzjoni biss li dawn kollha jkunu jagħmlu parti mill-istess settur. Issa, tali approċċ, li permezz tiegħu r-rikorrenti fir-realtà timmira għall-interskambju tal-prodotti kollha inkwistjoni, huwa manifestament kuntrarju għall-prinċipju ta’ speċjalità tat-trade marks li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u dan ikabbar b’mod indebitu l-perimetru ta’ protezzjoni tagħhom. Għal dawn l-istess raġunijiet, għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-prodotti jistgħu jiġu skambjati sa fejn kull wieħed jista’ jingħata bħala rigal, fejn il-konsumatur jagħżel, b’mod impulsiv, wieħed jew l-ieħor fost it-tnejn. Fil-fatt, jekk wieħed jaċċetta tali rabta vaga jispiċċa sabiex iqis li huma simili prodotti li manifestament huma differenti fin-natura tagħhom u fl-iskop tagħhom.
56
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li s-suq rilevanti, li fih jaqgħu l-prodotti msemmija iktar ’il fuq, ma jistax jiġi limitat għas-sempliċi parti tas-suq tal-“lussu” jew tal-“haute couture” u li din l-aħħar parti tas-suq lanqas ma tista’ tingħata importanza partikolari fil-każ ineżami, peress li l-kategoriji ta’ prodotti protetti mit-trade marks kunfliġġenti huma ddefiniti b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex jinkludi wkoll prodotti “għall-pubbliku ġenerali”, li jaqa’ fil-gamma ta’ prezz li huwa aċċessibbli b’mod ġenerali, kif ukoll ċerti prodotti “rħas”. Issa, ma ġiex sostnut mir-rikorrenti, fir-rigward tal-prodotti “bażiċi” li jaqgħu taħt dawn il-partijiet tas-suq, li dawn jinxtraw ukoll minn konsumaturi li jaġixxu b’mod impulsiv jew edonistiku, b’mod li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jissostitwixxu, b’mod indifferenti, ċerti prodotti permezz tal-oħrajn.
57
Fit-tielet lok għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argumenti l-oħra tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tipprova tistabbilixxi rabta ta’ komplementarjetà bejn il-prodotti inkwistjoni.
58
Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prodotti jew is-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta mill-viċin, fis-sens li wieħed ikun indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà tal-immanifatturar ta’ dawn il-prodotti jew tal-provvista ta’ dawn is-servizzi taqa’ fuq l-istess impriża. Bħala prinċipju, prodotti indirizzati għal tipi ta’ pubbliku differenti ma jistax ikollhom natura komplementari (ara s-sentenza Emidio Tucci, punt 48 iktar ’il fuq, EU:T:2012:499, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, komplementarjetà estetika bejn prodotti tista’ toħloq livell ta’ xebh fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Tali komplementarjetà estetika għandha tikkonsisti fi bżonn estetiku reali, fis-sens li prodott ikun indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor u li l-konsumaturi jqisu li huwa abitwali u normali li l-imsemmija prodotti jintużaw flimkien. Din il-komplementarjetà estetika hija suġġettiva u hija ddefinita mid-drawwiet jew mill-preferenzi tal-konsumaturi, kif jistgħu jirriżultaw mill-isforzi ta’ marketing tal-produtturi, u saħansitra minn sempliċi fenomeni tal-moda (ara s-sentenza Emidio Tucci, punt 48 iktar ’il fuq, EU:T:2012:499, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżistenza ta’ komplementarjetà estetika bejn il-prodotti, waħedha, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti xebh bejniethom. Għal dan, huwa neċessarju li l-konsumaturi jqisu bħala prattika normali li dawn il-prodotti jiġu kkummerċjalizzati bl-istess ditta, u dan ifisser, normalment, li parti kbira tal-manifatturi jew tad-distributuri rispettivi ta’ dawn il-prodotti jkunu l-istess (ara s-sentenza Emidio Tucci, punt 48 iktar ’il fuq, EU:T:2012:499, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li twettaq l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti inkwistjoni, minħabba l-komplementarjetà possibbli tagħhom, f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda t-tqabbil bejn il-“ħwejjeġ u żraben”, imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, u d-diversi prodotti ta’ strumenti li juru l-ħin, il-kronometri, il-ġojjelli u l-ġojjellerija protetti mit-trade mark preċedenti u elenkati fil-punt 6 iktar ’il fuq. It-tieni parti tirrigwarda l-paragun ta’ dawn l-aħħar prodotti u tan-“nuċċalijiet tax-xemx ottiċi”, imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark.
62
Fir-rigward tal-ewwel parti, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-prodotti inkwistjoni huma komplementari minn perspettiva estetika.
63
F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti inkwistjoni jaqgħu kollha fis-settur tal-moda, u saħansitra anki f’dak tal-“lussu”, u l-konsumaturi rilevanti jkunu qegħdin ifittxu stil partikolari u ta’ dehra li huma jixtiequ juru, billi b’hekk iqabblu skont gostihom il-prodotti kollha ta’ lbies u l-aċċessorji li huma jixtru, b’mod li dawn il-prodotti jikkompletaw lil xulxin b’mod reċiproku. Min-naħa l-oħra, hija tallega li l-imsemmija prodotti spiss jinxtraw fl-istess waqt jew b’mod ikkombinat.
64
Issa, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li diġà ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2004, El Corte Inglés vs UASI — Pucci (EMILIO PUCCI) (T‑8/03, Ġabra, EU:T:2004:358, punt 42), li l-fatt li l-prodotti kontenzjużi kienu marbuta mas-sbuħija, mal-kura tal-ġisem, mal-apparenza fiżika jew mad-dehra tal-persuna, jekk wieħed jippresupponi li dan huwa stabbilit, ma kienx biżżejjed sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala li jixxiebhu, jekk huma kienu barra minn hekk differenti sewwa fir-rigward tal-fatturi rilevanti l-oħra kollha li kienu jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom.
65
Sussegwentement, għandu jitfakkar li, minkejja li t-tfittxija ta’ ċertu armonija estetika fl-ilbies tikkostitwixxi karatteristika komuni għas-settur tal-moda u dak tal-ilbies, madankollu dan huwa fattur wisq ġenerali sabiex waħdu jkun jista’ jiġġustifika l-komplementarjetà ta’ prodotti bħalma huma ġojjellerija u arloġġi, minn naħa, u oġġetti ta’ lbies, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza nollie, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2010:114, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66
Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi bejn il-prodotti analizzati (ara l-punti 49 sa 56 iktar ’il fuq), kienet ir-rikorrenti li, skont il-każ, kellha turi l-eżistenza ta’ rabtiet suffiċjentement qawwija li jgħaqqdu lill-prodotti inkwistjoni fuq il-livell estetiku, b’mod partikolari billi tipproduċi elementi konkreti li minnhom il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeduċi li meta xtrahom, il-pubbliku rilevanti kien qiegħed ifittex sabiex realment jikkoordina l-preżentazzjoni esterna tiegħu.
67
Issa, fl-ewwel lok, la huwa muri mir-rikorrenti u lanqas ma huwa magħruf li konsumatur, meta jixtri arloġġi jew strumenti oħra li juru l-ħin, jagħmel l-għażla tiegħu billi jieħu bħala fattur ewlieni dak ta’ jekk l-imsemmija prodotti humiex imqabbla sew mal-ħwejjeġ tiegħu jew maż-żarbun tiegħu, u viċe-versa, u mhux, prinċipalment, billi jevalwa l-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dawn il-prodotti, il-kwalità tagħhom meta mqabbla mal-funzjoni prinċipali tagħhom (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), kif ukoll billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod indipendenti, id-disinn tagħhom u d-dehra ġenerali tagħhom.
68
L-allegazzjoni tar-rikorrenti, imressqa fis-seduta, li tgħid li l-konsumatur fl-Ewropa diġà huwa mdorri għal ċertu kwalità teknika tal-prodotti inkwistjoni, b’mod li jqisha bħala “kweżita”, ma tinvalidax il-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, sa fejn, fil-verità, anki jekk din l-allegazzjoni titqies bħala veraċi, il-konsumaturi jibqgħu jqisu li huwa opportun li jipparagunaw id-diversi prodotti sabiex jiksbu dawk li l-livell ta’ kwalità tagħhom jaqbeż lill-prodotti kompetituri, kif ukoll bl-għan li jagħżlu dawk, li l-karatteristiċi tagħhom u d-disinn tagħhom jikkorrispondu l-iktar għall-aspettattivi tagħhom, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu barra minn hekk jiġġustifikaw differenzi anki kbar fil-prezz tal-prodotti, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. Dan japplika, b’analoġija, għall-prodotti “ġojjelli u ġojjellerija”. Minkejja li l-kwistjoni ta’ ċertu unità ta’ stil bejn il-ħwejjeġ u ż-żraben li normalment jintlibsu, minn naħa, u l-aċċessorji tal-ħwejjeġ, il-ġojjellerija, l-arloġġi jew il-ġojjelli, min-naħa l-oħra, tista’ titqajjem minn ċerti konsumaturi iktar marbuta mal-moda, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din ma hijiex rabta suffiċjenti bejn il-prodotti analizzati, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw anki jekk konsumatur partikolari jixtri arloġġ ieħor jew it-tieni par ta’ nuċċali tax-xemx, minkejja li huwa diġà għandu wieħed. B’mod partikolari, ma ntweriex li, hekk kif issostni r-rikorrenti, “maġġoranza” tal-konsumaturi rilevanti dejjem iqabblu l-arloġġi u n-nuċċalijiet tax-xemx tagħhom mat-tibdila tagħhom skont l-attività li huma jkollhom l-intenzjoni jeżerċitaw.
69
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li ma ntweriex li l-arloġġi, l-istrumenti l-oħra li juru l-ħin, il-ġojjelli u l-ġojjellerija kienu “indispensabbli jew importanti” għall-użu tal-ħwejjeġ jew taż-żraben u viċe-versa, b’mod li l-eżistenza ta’ komplementarjetà estetika bejn dawn il-prodotti tkun tista’ tiġi kkonstatata.
70
Fit-tieni lok, lanqas ma ntwera li l-konsumaturi kienu jikkunsidraw bħala xi ħaġa komuni li dawn il-prodotti jiġu kkummerċjalizzati taħt l-istess ditta, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-manifatturi jew tad-distributuri rispettivi ta’ dawn il-prodotti huma l-istess.
71
L-ewwel nett, l-eżempju mogħti mir-rikorrenti u li jirrigwarda l-fatt li ċerti disinjaturi tal-moda li għandhom suċċess kummerċjali, li minnhom hija tiċċita xi ismijiet billi tagħmel riferiment anki għas-siti tal-internet tagħhom, fil-preżent jimmanifatturaw mhux biss ħwejjeġ u żraben iżda wkoll aċċessorji li jinkludu xi arloġġi, il-ġojjelli u l-ġojjellerija jikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, ħjiel ta’ fenomenu reċenti li għandu jitqies, illum il-ġurnata u fl-assenza ta’ provi kuntrarji, bħala li huwa pjuttost marġinali fl-evalwazzjoni globali tas-settur tas-suq meqjus.
72
Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandha tiġi enfasizzata l-eżistenza ta’ differenzi kbar fin-natura tal-prodotti pparagunati, fil-proċessi tal-immanifatturar tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-għarfien neċessarju għall-ħolqien ta’ prodott ta’ kwalità f’kull waħda mill-oqsma inkwistjoni. Bħala eżempju, għandu jiġi rrilevat li l-immanifatturar ta’ arloġġ tal-idejn jeħtieġ jew sengħa artiġjanali, jew inkella katina ta’ produzzjoni awtomatizzata jew semi-awtomatizzata partikolarment speċjalizzata, b’mod li kull wieħed minn dawn il-metodi ta’ produzzjoni jiddistingwi ruħu b’mod manifest mill-proċessi ta’ mmanifatturar ta’ ħwejjeġ jew ta’ żraben, mingħajr madankollu ma jkun jista’ jitqies li l-esperjenza li impriża jkollha fl-immanifatturar ta’ wieħed mill-prodotti pparagunati żżid il-kapaċitajiet jew il-kompetenzi tagħha fil-produzzjoni tal-oħrajn.
73
F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li r-riferimenti għal ċerti siti tal-internet ta’ disinjaturi tal-moda li għandhom suċċess kummerċjali (ara l-punt 71 iktar ’il fuq) jippermettu li jitqies li ntwera li, fis-settur tal-lussu, l-istess manifattur jista’ jimmanifattura kemm il-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark kif ukoll dawk protetti mit-trade mark preċedenti billi b’hekk issir estensjoni b’mod partikolari ta’ ċerti trade marks rinomati ta’ qasam għal qasam ieħor, għandu jiġi kkonstatat li ma ntweriex li l-konsumaturi kienu neċessarjament informati b’tali prattika fis-suq mhux limitat għal dak tal-lussu u li normalment dawn kienu jistennew li r-responsabbiltà tal-immanifatturar tad-diversi prodotti inkwistjoni, li mal-ewwel daqqa t’għajn ma humiex relatati u lanqas ma jagħmlu parti mill-istess familja ta’ prodotti, tista’ taqa’ fuq impriża waħda. Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-elenkar magħmul mir-rikorrenti matul is-seduta, ta’ numru kbir ta’ manifatturi oħra ta’ reputazzjoni li jipproduċu l-prodotti kollha inkwistjoni, minħabba n-natura ġenerali tiegħu, mingħajr provi ta’ appoġġ. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dawn il-fabbrikanti, bħala regola ġenerali, jippruvaw jagħmlu użu mis-suċċess tagħhom billi jitfgħu t-trade marks tagħhom fuq gamma wiesgħa ta’ prodotti, minn dan ma jistax jiġi dedott li dan jinfluwenza l-aspettattivi tal-konsumaturi barra mis-settur tal-lussu.
74
Għaldaqstant, ma ntweriex li l-imsemmija konsumaturi jiddeduċu li kienet teżisti xi rabta bejn il-prodotti pparagunati jew li dawn tal-aħħar kienu jikkostitwixxu gamma mkabbra ta’ prodotti li joriġinaw mill-istess sors.
75
It-tieni nett, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni lanqas ma jista’ jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-postijiet fejn dawn jinbiegħu u tad-distributuri tagħhom.
76
F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma biss il-kundizzjonijiet “oġġettivi” ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti deskritti mit-trade marks kunfliġġenti, jiġifieri dawk li huwa normali li wieħed jistenna għall-kategorija ta’ prodotti msemmija mill-imsemmija trade marks, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni [ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2009, Phildar vs UASI — Comercial Jacinto Parera (FILDOR), T‑99/06, EU:T:2009:346, punti 68 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata].
77
Sussegwentement, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li ċertament ma huwiex eskluż, b’mod partikolari għall-parti tal-prodotti inkwistjoni li jaqgħu fis-settur tal-lussu, li huma jistgħu jinbiegħu fl-istess postijiet bħalma huma d-daħliet ta’ ħwienet ta’ lussu “fejn ikunu jinbiegħu diversi ditti”, fi ħwienet magħrufa sew u fi ħwienet “emblematiċi” ta’ trade marks, fi ħwienet “duty free”, iżda wkoll f’ċerti navati ta’ ħwienet ta’ distribuzzjoni bil-massa, xorta waħda jibqa’ l-fatt li ma ntweriex, u li lanqas ma huwa magħruf, li dan kien il-każ għall-maġġoranza tal-prodotti inkwistjoni u b’mod partikolari dawk, irħas, li huma għall-but ta’ kulħadd. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi konkluż li, minkejja d-differenza fin-natura tal-prodotti pparagunati, l-iskop u l-għan tagħhom, il-konsumaturi rilevanti jqisu li jeżistu rabtiet mill-viċin bejnhom u li r-responsabbiltà tal-immanifatturar tagħhom taqa’ fuq impriża waħda għas-sempliċi raġuni li huma jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jinbiegħu fl-istess spazji kummerċjali (ara wkoll il-punt 79 iktar ’l isfel).
78
F’dak li jikkonċerna t-tieni parti msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq, dwar il-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ komplementarjetà estetika bejn in-nuċċalijiet tax-xemx ottiċi, imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, minn naħa, u l-arloġġi, l-istrumenti li juru l-ħin, il-ġojjelli u l-ġojjellerija, protetti mit-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, b’analoġija mal-iżviluppi msemmija iktar ’il fuq, li lanqas din ma ntweriet mir-rikorrenti. B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn in-nuċċalijiet tax-xemx ottiċi għandhom l-għan li jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet tal-vista u li jagħtu sensazzjoni ta’ kumdità lill-utenti f’ċerti kundizzjonijiet meteoroloġiċi, b’mod partikolari billi jipproteġuhom mir-raġġi tax-xemx (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), huwa b’mod ġust li l-Bord tal-Appell qies li l-konsumaturi jiffokaw l-attenzjoni tagħhom partikolarment fuq il-karatteristiċi ottiċi u fuq il-kapaċitajiet ta’ protezzjoni tal-imsemmija nuċċalijiet, iktar milli d-disinn tagħhom meta mqabbel b’mod estetiku mal-arloġġi, ġojjellerija u ġojjelli, fi kliem ieħor, l-għan estetiku tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi u minkejja l-provi pprovduti mir-rikorrenti dwar l-immanifatturar ta’ nuċċalijiet tax-xemx mill-impriża tagħha stess, il-prodotti ma humiex indispensabbli jew importanti meta mqabbla mal-użu tan-nuċċalijiet tax-xemx ottiċi u viċe-versa.
79
Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-postijiet ta’ bejgħ komuni li dawn il-prodotti għandhom, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, fil-punt 40 tas-sentenza nollie, punt 41 iktar ’il fuq (EU:T:2010:114), u l-ġurisprudenza ċċitata, li l-fatt li prodotti mqabbla jistgħu jinbiegħu fl-istess stabbilimenti kummerċjali, bħalma huma l-ħwienet li jkunu b’taqsimiet ta’ ditti differenti (department stores) u s-supermarkets, ma għandu ebda importanza partikolari, peress li f’dawn il-ħwienet wieħed jista’ jsib prodotti ta’ natura differenti ħafna, mingħajr ma l-konsumaturi jattribwixxu b’mod awtomatiku l-istess oriġini.
80
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, la l-fatt li jista’ jkun hemm sovrapożizzjoni tal-konsumaturi tal-prodotti inkwistjoni u lanqas il-fatt li, fis-settur tal-lussu, jeżistu eżempji ta’ manifatturi li jimmanifatturaw kemm il-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark kif ukoll il-prodotti protetti mit-trade mark preċedenti ma huma biżżejjed, anki jekk jitqiesu flimkien mal-allegazzjonijiet l-oħra tar-rikorrenti, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li hemm xebh, anki jekk dgħajjef, bejn il-prodotti inkwistjoni.
Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni
81
Hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell qies, abbażi biss ta’ tqabbil tal-prodotti inkwistjoni, li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti.
82
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma applikax l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 b’mod korrett u li x-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, flimkien max-xebh tal-prodotti indikati minn dawn it-trade marks, joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni.
83
F’dan ir-rigward, sa fejn diġà ġie konkluż, fil-punt 80 iktar ’il fuq, li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li l-prodotti inkwistjoni lanqas biss kellhom xebh dgħajjef, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza easyHotel (punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2009:14, punt 42), li tgħid li probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tippresupponi sew identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti u identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jindikaw, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, f’dan il-każ, li l-Bord tal-Appell lanqas ma wettaq żball meta eskluda kull probabbiltà ta’ konfużjoni abbażi ta’ sempliċi paragun tal-prodotti inkwistjoni.
84
Fl-assenza ta’ xebh bejn il-prodotti kontenzjużi, u bla ħsara għall-evalwazzjoni tat-tieni motiv tar-rikorrenti dwar id-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, wieħed għandu jżid li din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mid-diversi allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-allegata reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u dwar il-vantaġġ indebitu li l-applikant għat-trade mark jislet minnha, peress li dawn isiru ineffettivi meta waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 8(1)(b) tar-regolament inkwistjoni ma tkunx issodisfatta. Fil-fatt, l-assenza ta’ xebh tal-prodotti inkwistjoni ma tistax tiġi kkumpensata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, mill-fatt li t-trade marks kontenzjużi huma simili jew saħansitra identiċi, u dan ikun x’ikun il-livell ta’ għarfien tagħhom mill-konsumaturi rilevanti.
85
Fl-aħħar nett, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li ma huwiex neċessarju li tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għal żewġ deċiżjonijiet ta’ qrati Spanjoli f’kawża li hija tqis li hija analoga għall-kawża ineżami, jiġifieri, qabelxejn, deċiżjoni tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Madrid, Spanja), tat-13 ta’ Marzu 2013, u, sussegwentement, deċiżjoni tat-Tribunal Supremo (Qorti suprema, Spanja), tad-9 ta’ Jannar 2014, li permezz tagħha l-imsemmi Tribunal Supremo ċaħad bħala inammissibbli appell fil-kassazzjoni mid-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid, li, minn naħa, kien annulla deċiżjoni tal-Oficina Española de Patentes y Marcas (Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade marks) dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika għal dik li għaliha saret applikazzjoni fil-kawża ineżami u, min-naħa l-oħra, kien irrevoka l-imsemmija reġistrazzjoni billi qisitha ineffettiva.
86
Fil-fatt, f’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li l-imsemmija riferimenti huma ammissibbli, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ reġistrazzjoni fl-Istati Membri, u, b’analoġija, dawk ta’ tħassir jew ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, jikkostitwixxu biss elementi li, mingħajr ma huma determinanti, jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. L-istess kunsiderazzjonijiet jgħoddu għall-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati Membri [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2000, Procter & Gamble vs UASI (Forma ta’ sapuna), T‑122/99, Ġabra, EU:T:2000:39, punt 61, u tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Tablet tonda ħamra u bajda), T‑337/99, Ġabra, EU:T:2001:221, punt 58]. Din il-ġurisprudenza, adottata fil-kuntest tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, hija applikabbli, b’analoġija, għar-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni.
87
Issa, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-kawża preżenti, il-kawża mismugħa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid u, sussegwentement, mit-Tribunal Supremo, kienet tirrigwarda każ speċifiku, fejn id-diversi prodotti protetti mit-trade marks kunfliġġenti u li jaqgħu fil-klassi 9 tal-Ftehim ta’ Nice kienu tqiesu bħala li kienu “identiċi”. Huwa f’tali ċirkustanzi fattwali, li minnhom wieħed ma jistax jislet konsegwenzi fir-rigward tal-kawża preżenti, li t-Tribunal Superior de Justicia de Madrid wettaq l-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks billi kkonkludiet, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, li jeżisti xebh, bi, konsegwentement, probabbiltà ta’ konfużjoni. Fir-rigward tal-proċedura fil-kassazzjoni, it-Tribunal Supremo ċaħad l-appell, essenzjalment għal raġunijiet proċedurali li lanqas huma ma jista’ jkollhom effetti fuq il-proċedura preżenti.
88
Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009
89
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta sostna li t-trade mark preċedenti ma kellhiex reputazzjoni meta hija ġiet ikkunsidrata bħala rreġistrata, jiġifieri b’mod iżolat mill-element verbali “longines”. Għall-kuntrarju, skont ir-rikorrenti, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 207/2009 kienu ssodisfatti.
90
L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
91
Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-paragrafu (2), ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni għandha wkoll tinċaħad jekk din tkun identika jew ikollha xebh mat-trade mark preċedenti u jekk din tkun intiża li tiġi rreġistrata għal prodotti jew servizzi li ma għandhomx xebh ma’ dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti meta, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, hija tgawdi minn reputazzjoni fl-Unjoni u, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, hija tgawdi minn reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat u li l-użu mingħajr raġuni ġusta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jislet b’mod indebitu vantaġġ mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li huwa jikkawżalhom preġudizzju (ara., f’dan is-sens, is-sentenza Emidio Tucci, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2012:500, punt 55).
92
Skont il-ġurisprudenza, l-għan tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex li jxekkel ir-reġistrazzjoni ta’ kull trade mark identika għal trade mark li għandha reputazzjoni jew li tkun tixxiebah magħha. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa, b’mod partikolari, li tippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti li għandha reputazzjoni li topponi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jistgħu jew jikkawżaw preġudizzju lir-reputazzjoni tagħha jew lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, jew li jisiltu vantaġġ indebitu minn din ir-reputazzjoni jew minn dan il-karattru distintiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Emidio Tucci, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2012:500, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, b’analoġija, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a)(iii) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, moqri flimkien mal-paragrafu (5) tiegħu, għat-trade marks preċedenti li għandhom reputazzjoni u li saritilhom reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru tal-Unjoni.
93
F’dan il-każ, kif diġà tfakkar fil-punti 13 sa 15 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell essenzjalment qies li, filwaqt li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti wrew b’mod ċar li l-prodotti tagħha kienu popolari ħafna u li huma kienu ilhom jiġu kkummerċjalizzati fis-suq rilevanti għal iktar minn seklu, huma wrew ukoll li l-imsemmija prodotti, ġeneralment, ma kinux deskritti mis-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża meta meħud b’mod iżolat, iżda minn trade mark kumplessa li kienet tinkludi wkoll il-kelma stilizzata “longines”. Skont il-Bord tal-Appell, l-użu li sar mis-sinjal inkwistjoni ma kienx suffiċjenti sabiex jintwera li parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat, f’parti sostanzjali tat-territorji tal-pajjiżi, elenkati fil-punt 15 iktar ’il fuq, taf bih, meħud b’mod iżolat u mingħajr il-parti verbali, fil-kuntest tal-istrumenti li juru l-ħin u tal-apparat kronometriku. Issa, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita r-reputazzjoni ta’ trade mark in abstracto. Skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tagħti prova li l-pubbliku rilevanti seta’ jassoċja mingħajr sforz is-sinjal figurattiv li jikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ” mal-istrumenti li juru l-ħin u mal-apparat kronometriku li hija kienet tipproduċi.
94
Ir-rikorrenti essenzjalment tressaq allegazzjonijiet li jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ komponenti. L-ewwel komponent jirrigwarda l-fatt li, fil-fehma tagħha, it-trade mark figurattiva preċedenti kienet tgawdi minn reputazzjoni mondjali f’dak li jikkonċerna l-istrumenti li juru l-ħin u l-apparat kronometriku, kif ukoll il-ġojjellerija u l-ġojjelli, li jaqgħu fil-klassi 14, kif kien jirriżulta mid-dokumentazzjoni ppreżentata quddiem l-UASI.
95
Permezz tat-tieni komponent tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti, bħala prinċipju għandha l-intenzjoni li turi li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkawża preġudizzju għall-idea ta’ esklużività u għall-immaġnijiet ta’ lussu u ta’ kwalità għolja trażmessi bit-trade mark preċedenti u, għaldaqstant, għar-reputazzjoni tagħha u għall-karattru distintiv tagħha. Ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tnaqqas il-kapaċità tat-trade mark preċedenti, li tikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ”, sabiex tiddistingwi prodotti ddefiniti sew u sabiex tistimola x-xewqa tal-konsumaturi. Hija tagħmel riferiment, ukoll, għan-natura “parassitarja” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tislet vantaġġ indebitu, li hija tqis li huwa probabbli ħafna u prevedibbli, mill-fatt li t-trade mark preċedenti għandha reputazzjoni għolja ħafna.
96
F’dan ir-rigward, sa fejn, hekk kif enfasizza ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet kumulattivi (ara, ukoll, il-punt 91 iktar ’il fuq), li jinkludu dik li tintwera r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li qabel kollox għandu jiġi evalwat l-ewwel komponent tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk il-Bord tal-Appell ġustament qiesx li tali reputazzjoni ma kinitx intweriet fil-kawża u li, sussegwentement, huwa ddeċieda, abbażi ta’ dan biss, li r-rikorrenti ma setgħetx tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq għall-finijiet tal-oppożizzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
97
L-ewwel nett, fil-kuntest tal-allegazzjonijiet tagħha dwar l-ewwel komponent imsemmi iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Bord tal-Appell, it-trade mark preċedenti tintuża b’mod frekwenti anki mingħajr il-kelma “longines”, per eżempju fuq ċerti “bokol” użati fil-ġojjellerija, fil-ġojjelli u fl-istrumenti li juru l-ħin u fuq il-buttuni tal-arloġġi. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, il-provi kollha li kienu suffiċjenti sabiex il-Bord tal-Appell iqis li l-kelma “longines”, flimkien mat-trade mark preċedenti, hija trade mark li għandha reputazzjoni, għandhom ukoll iservu ta’ prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti meta meqjusa b’mod iżolat. Skont ir-rikorrenti, din tista’ tintuża kemm bi kif ukoll mingħajr il-kelma “longines”.
98
It-tieni nett, ir-rikorrenti tenfasizza li t-trade mark preċedenti ilha tiġi użata sabiex tindika l-prodotti tagħha sa mill-1874, li l-ewwel użu tagħha jmur lura saħansitra għall-1867 u li hija “magħrufa ferm” mhux biss mill-professjonisti tal-istrumenti li juru l-ħin, iżda wkoll mill-konsumatur medju. Skont ir-rikorrenti, l-istampa ta’ din it-trade mark fuq il-metalli u fuq il-prodotti tippermetti lill-konsumaturi u lill-professjonisti jivverifikaw li dawn huma prodotti oriġinali.
99
It-tielet nett, ir-rikorrenti tenfasizza li t-trade mark preċedenti, li tgħaddi lill-konsumatur diversi messaġġi pożittivi dwar il-prodotti, għandha valur awtonomu u distint li jmur lil hinn mill-prodotti li hija tindika fil-klassi 14 b’mod li jolqot ukoll lil dawk tal-klassijiet 9 u 25.
100
Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar ir-reputazzjoni, trade mark għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi koperti minnha. Fl-eżami ta’ din il-kundizzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha rilevanti tal-kwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq li għandha t-trade mark preċedenti, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, kif ukoll l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tirreklamaha, mingħajr ma jkun neċessarju li din it-trade mark tkun magħrufa minn perċentwali partikolari tal-pubbliku ddefinit jew li r-reputazzjoni tagħha tkun testendi fit-territorju kollu kkonċernat, sakemm ir-reputazzjoni tkun teżisti f’parti sostanzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Emidio Tucci, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2012:500, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
101
F’dan il-każ, mill-eżami tal-provi pprovduti mir-rikorrenti quddiem l-UASI jirriżulta li l-prodotti tagħha għandhom effettivament preżenza importanti, stabbilita fit-tul, tal-inqas f’xi wħud mill-Istati Membri tal-Unjoni, li fihom it-trade mark preċedenti hija protetta. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell b’mod espress ikkonferma din iċ-ċirkustanza fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li enfasizza li l-imsemmija prodotti ġeneralment ma kinux ikkummerċjalizzati bit-trade mark preċedenti meħuda b’mod iżolat jew kienu hekk ikkummerċjalizzati b’mod rari ħafna, iżda kienu indikati bi trade mark kumplessa li tinkludi, b’mod partikolari, is-sinjal figurattiv li jifforma t-trade mark preċedenti.
102
Hekk kif jirriżulta mill-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ta importanza partikolari lill-fatt li, “fl-għaqda użata tar-rappreżentazzjoni figurattiva tal-klessidra bil-ġwienaħ u l-kelma “longines”, din tal-aħħar tikkostitwixxi l-element dominanti viżwalment”. Huwa sostna wkoll, fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet tkun possibbli konklużjoni differenti minn dik adottata li kieku, per eżempju, it-trade mark preċedenti “kienet ġiet irrappreżentata b’mod differenti b’mod kostanti, fl-għamla tal-għaqda ta’ forma b’daqs kbir u element verbali ta’ daqs żgħir, jew li kieku r-rikorrenti kienet ipprovdiet provi li jikkonfermaw li l-konsumaturi kienu draw jikkonċentraw fuq ir-rappreżentazzjoni figurattiva tal-klessidra bil-ġwienaħ iktar milli fuq l-element ’longines’”. Skont il-Bord tal-Appell, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni, dawn l-aħħar kunsiderazzjonijiet kellhom, madankollu, jitwarrbu.
103
F’dan ir-rigward u preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fir-rigward tal-provi ppreżentati mir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell b’mod korrett sostna li minn dawn ma rriżultax li l-konsumaturi kienu draw jikkonċentraw fuq l-element li jikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ” tat-trade mark kumplessa użata. Bħala eżempju għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija provi ma fihomx sondaġġi ta’ opinjoni mwettqa mal-pubbliku rilevanti li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-perċezzjoni tiegħu tat-trade mark kumplessa użata, il-kwistjoni ta’ liema minnhom kienu l-elementi li baqgħu f’moħħ dak li jkun jew, tal-inqas liema kienu dawk l-elementi li dan il-pubbliku jagħraf meta jiġi ppreżentat b’diversi trade marks matul ix-xiri tiegħu, bħala dawk li jagħmlu riferiment għall-prodotti tar-rikorrenti. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti lanqas ma ppreżentat sondaġġi ta’ opinjoni li fil-kuntest tagħhom il-persuni li kienu fil-mira tqiegħdu quddiem sinjal figurattiv wieħed biss li jirrappreżenta “klessidra bil-ġwienaħ” u kellhom jindikaw jekk huma kinux qegħdin jagħrfu l-imsemmi sinjal u, jekk ikun il-każ, ma xiex jassoċjawh.
104
Sussegwentement, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li l-provi li hija ressqet quddiem l-UASI dwar l-użu tat-trade mark preċedenti li tikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ” ma humiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li r-reputazzjoni tagħha kienet intweriet.
105
Fil-fatt, minn naħa, minn dan jirriżulta, hekk kif wara kollox isostni ġustament l-UASI, li, fuq l-arloġġi, meta t-trade mark preċedenti tintuża waħedha, din ma jkollhiex pożizzjoni importanti viżwalment. Għall-kuntrarju, xi drabi din tkun tinsab f’postijiet li wieħed lanqas biss jaraha, minħabba d-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari għar-riferimenti li saru mir-rikorrenti għall-użu tat-trade mark preċedenti fuq il-bokol, fuq iċ-ċineg u fuq il-buttuni tal-arloġġi.
106
Min-naħa l-oħra, mill-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI lanqas ma jirriżulta li t-trade mark preċedenti, meħuda b’mod iżolat, tintuża fil-materjal ta’ promozzjoni, fuq il-fatturi jew fir-rivisti b’mod suffiċjentement sinjifikattiv, sew jekk din tiġi evalwata mil-lat kwantitattiv jew kwalitattiv, u b’mod kostanti matul iż-żmien, sabiex din ikun jista’ jkollha rwol fl-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tagħha. Fil-fatt, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell, mill-provi jirriżulta li, apparti ċerti eċċezzjonijiet, hija t-trade mark kumplessa, ikkostitwita mit-trade mark preċedenti u mill-kelma “longines”, li tintuża regolarment.
107
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni prinċipali li għad trid tiġi riżolta mill-Qorti Ġenerali hija dik ta’ jekk il-pubbliku rilevanti, li, f’diversi okkażjonijiet, ġie ppreżentat b’reklami, dokumenti jew anki prodotti li fihom jew fuqhom kienet tidher it-trade mark kumplessa, ikkostitwita mit-trade mark preċedenti “longines”, osservax u mmemorizzax ukoll l-imsemmija trade mark preċedenti, meħuda b’mod individwali, b’mod suffiċjentement kostanti sabiex minnha jiġi dedott li din kienet rinomata skont il-kriterji mfakkra fil-punt 100 iktar ’il fuq.
108
L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti juru, b’mod partikolari, li r-reklamar imsemmi iktar ’il fuq jidher f’kull tip ta’ rivista jew ta’ ġurnal, redatti b’diversi lingwi u kkummerċjalizzati b’mod partikolari fl-Istati Membri tal-Unjoni, rilevanti għall-każ ineżami. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward il-Bord tal-Appell jindika, fis-sitt inċiż tal-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li 31 mill-imsemmija siltiet jikkorrispondu għal rivisti jew ġurnali maħruġa f’pajjiżi membri tal-Unjoni.
109
It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-parti l-kbira, dawn kienu rivisti li ma humiex intiżi għal pubbliku limitat għall-professjonisti, iżda għall-konsumaturi membri tal-pubbliku ġenerali, sew jekk dan ikun konsumatur li jinteressa ruħu fil-moda, fl-aħbarijiet dwar il-“VIPs” jew dak li jfittex li jinforma ruħu fuq il-passatempi tiegħu, li jinkludu diversi sports. Ċerti reklamar kien ippubblikat f’rivisti għal kollezzjonisti, oħrajn f’rivisti “ġenerali”. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li, f’diversi okkażjonijiet, l-imsemmi reklamar kien jieħu paġna sħiħa jew nofs paġna tal-imsemmija rivisti jew ġurnali.
110
It-tielet nett, mill-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI jirriżulta li r-reklamar għat-trade mark kumplessa inkwistjoni, jew il-prodotti indikati mill-imsemmija trade mark, spiss kienu ppreżentati f’kuntest jew f’rabta ma’ nies famużi mid-dinja kulturali jew sportiva. F’dan is-sens, mid-diversi dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti jirriżulta li r-reklamar tagħha kien jikseb vantaġġ mill-kooperazzjoni ma’ personalitajiet magħrufa madwar id-dinja, inklużi atturi, poeti, lagħba tat-tennis, nies sportivi mill-qasam tal-isports ekwestri, nies li jiskijjaw, ċiklisti, arċiera, ġimnasti jew anki ċerti mudelli. B’hekk, il-prodotti inkwistjoni ntlibsu, għal għanijiet ta’ reklamar, minn sportivi jew minn atturi ta’ fama mondjali bħal André Agassi, Audrey Hepburn u Humphrey Bogart.
111
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, li jirriżulta mill-provi, li f’diversi okkażjonijiet ġie ppreżentat reklamar tat-trade mark kumplessa inkwistjoni, ikkostitwita mill-element grafiku li jikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ” u mill-kelma “longines”, u dan matul diversi kompetizzjonijiet sportivi, li tal-inqas uħud minnhom ġew trażmessi mill-ġdid bit-televiżjoni.
112
Il-ħames nett, jirriżulta wkoll mit-tabelli u minn provi oħra ppreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI li, għal snin twal, u b’mod partikolari bejn l-2002 u l-2010, hija nefqet somom importanti f’reklamar, u dan f’diversi pajjiżi bħalma huma Franza, Spanja jew l-Italja, li huma rilevanti għall-każ ineżami. Ir-rikorrenti tat ukoll eżempji ta’ fatturi li jirrigwardaw il-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari arloġġi. L-imsemmija fatturi dejjem juru t-trade mark kumplessa u juru preżenza sinjifikattiva tar-rikorrenti fis-suq Ewropew, u b’mod partikolari fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Spanja. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll ċerti studji tas-suq dwar il-penetrazzjoni, fis-suq, tat-trade mark kumplessa f’xi wħud mill-Istati Membri tal-Unjoni, li jinkludu lil Franza, lill-Ġermanja, lill-Italja u lir-Renju Unit.
113
Għalhekk, provi konkordanti juru użu, fuq żmien twil, tat-trade mark kumplessa mhux biss fl-Isvizzera, iżda wkoll f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni, rilevanti għall-kawża ineżami.
114
Issa, il-Qorti Ġenerali tqis li ċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, meħuda kollha f’daqqa, ma jinvalidawx il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, imfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq.
115
Fil-fatt, fl-assenza ta’ provi konkreti li juru li l-konsumaturi kienu draw jikkonċentraw, b’mod iktar partikolari, fuq l-element li jikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ” tat-trade mark kumplessa kif inhi użata (ara l-punt 103 iktar ’il fuq), għandha ssir evalwazzjoni, billi ssir analiżi globali tal-imsemmija trade mark u tad-diversi komponenti tagħha, dwar liema perċezzjoni l-pubbliku rilevanti għandu tagħha.
116
F’dawn ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li mill-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI u li jirrigwardaw l-użu tat-trade mark kumplessa jirriżulta li kien, b’mod ċar, l-element verbali tagħha, li jikkonsisti fil-kelma “longines”, l-element ewlieni fl-impressjoni ġenerali prodotta mill-imsemmi sinjal, b’mod partikolari fuq il-pjan viżiv.
117
Qabelxejn, dan huwa hekk minħabba l-pożizzjoni tal-imsemmija kelma fi ħdan it-trade mark kumplessa, jiġifieri, fin-nofs ta’ fuq tagħha, u minħabba l-fatt li kienet taqbeż sew fit-tul kif ukoll fil-wisa’ lill-element grafiku, li jikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ”, li hija ta’ dimensjonijiet ħafna iktar dgħajfa.
118
Imbagħad, il-kelma “longines” tinqara’ faċilment, billi hija miktuba b’ittri kapitali, u dan b’tipa li d-disinn tagħha ma jiddistingwixxix ruħu b’mod partikolari mit-tipi użati ġeneralment. Fil-fatt, l-uniku element grafiku li huwa xi ftit speċifiku għall-imsemmija kelma “longines” jikkonsisti f’ċertu linja żgħira, fit-truf tal-ittri kapitali li jiffurmawha.
119
Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-element grafiku li, skont ir-rikorrenti, jikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ”, mingħajr ma jkun jista’ jkun negliġibbli fit-trade mark kumplessa kif użata, madankollu jibqa’ definittivament anċillari u fl-isfond fl-impressjoni ġenerali li l-konsumaturi li jipperċepixxu l-imsemmija trade mark ikollhom, mhux biss minħabba d-daqs tagħha, li hija iżgħar mill-kelma “longines”, iżda wkoll minħabba n-natura pjuttost ikkumplikata tagħha, fis-sens li din hija magħmula minn rappreżentazzjoni ta’ ġwienaħ miftuħa li fin-nofs tagħhom għandhom qisu rettangolu, imserraħ fuq in-naħa qasira tiegħu u maqsum b’żewġ linji djagonali, liema linji huma magħquda permezz ta’ żewġ linji orizzontali, u dan kollu ma jibqax faċilment fil-memorja ta’ dak li jkun. Din l-istess analiżi hija valida għal xi varjazzjonijiet tal-imsemmi disinn użati mir-rikorrenti.
120
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li bl-ebda mod ma huwa stabbilit li l-pubbliku rilevanti, li, barra minn hekk, ma jitfax l-attenzjoni tiegħu fuq id-dettalji tat-trade mark kumplessa użata, jipperċepixxi l-parti li tinsab fin-nofs tad-disinn bħala li tikkostitwixxi speċi ta’ “klessidra” stilizzata. Minkejja li tali evokazzjoni tista’ tiġi, jekk ikun il-każ, iktar faċilment f’moħħ il-konsumaturi li jafu bil-fatt li trade mark figurattiva li tikkonsisti fi “klessidra bil-ġwienaħ”, minkejja li b’disinn differenti, kienet diġà intużat mir-rikorrenti fis-seklu XIX u sussegwentement, kienet waħda mill-ewwel reġistrazzjonijiet internazzjonali mal-Organizzazzjoni Mondjali tal-Proprjetà Intellettwali (OMPI), fatt li għalih tagħmel riferiment ir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif ġustament sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, din ma hijiex ċirkustanza li tista’ titqies bħala li hija magħrufa sew mill-pubbliku kkonċernat, li, għandu jitfakkar, ma huwiex limitat biss għall-professjonisti tas-settur tal-istrumenti li juru l-ħin (ara, ukoll, il-punt 125 iktar ’il quddiem). B’hekk, lanqas ma jeżistu raġunijiet marbuta mal-kontenut kunċettwali tal-element grafiku inkwistjoni li jwasslu sabiex parti sostanzjali tal-pubbliku rilevanti timmemorizza lilu b’mod partikolari.
121
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, meħuda kif irreġistrata, ma ntwerietx. Fil-fatt, minkejja l-użu kostanti matul iż-żmien, sinjifikattiv fuq il-pjan kwantitattiv u fuq dak kwalitattiv, tat-trade mark kumplessa magħmula mit-trade mark preċedenti u mill-kelma “longines”, hija din l-aħħar kelma li tiġbed l-attenzjoni tal-konsumaturi u li probabbilment tibqa’ fil-memorja tagħhom, mingħajr ma ntwera li parti sostanzjali tal-pubbliku rilevanti, f’wieħed jew iktar Stati Membri tal-Unjoni li għalihom intalbet ir-reputazzjoni, jafu wkoll it-trade mark preċedenti bħala tali u jassoċjawha, mingħajr sforz, mal-prodotti ta’ strumenti li juru l-ħin u mal-kronometri tar-rikorrenti, li huma l-uniċi prodotti koperti mill-pretensjoni ta’ reputazzjoni.
122
Ebda waħda mill-allegazzjonijiet l-oħra tar-rikorrenti ma tista’ tinvalida din il-konklużjoni.
123
Fl-ewwel lok, ċertament, hekk kif issostni r-rikorrenti, teoretikament ma huwiex eskluż li l-użu ta’ trade mark preċedenti fil-kuntest ta’ trade mark kumplessa jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark preċedenti, minkejja l-fatt li hija ma intużatx, jew intużat ftit, b’mod iżolat mit-trade mark kumplessa.
124
Fil-fatt, tali possibbiltà tirriżulta minn applikazzjoni, b’analoġija, tal-ġurisprudenza li tgħid li l-karattru distintiv partikolari ta’ trade mark jista’ jinkiseb minħabba l-użu fit-tul tagħha u mill-fama tagħha bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra, sa fejn il-pubbliku fil-mira jipperċepixxi t-trade mark bħala li tindika l-provenjenza tal-prodotti minn impriża partikolari [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D vs UASI — Sämann (Aire Limpio), T‑168/04, Ġabra, EU:T:2006:245, punt 74]. Madankollu, f’dan il-każ, hekk kif ġustament enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex minn dan wieħed jasal għal konklużjoni possibbli li t-trade mark preċedenti kienet rinomata, kien neċessarju li din tiġi rrappreżentata b’mod differenti fit-trade mark kumplessa użata, sabiex tiġi mmemorizzata mill-pubbliku rilevanti.
125
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-diversi allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jenfasizzaw l-istorja twila u l-użu kostanti tat-trade mark preċedenti, dawn ma humiex deċiżivi sabiex juru r-reputazzjoni tagħha, fl-assenza ta’ provi suffiċjentement konkreti dwar il-fatt li parti sostanzjali tal-pubbliku rilevanti saret taf biha. B’mod partikolari, filwaqt li r-rikorrenti ċertament ippreżentat ukoll fost il-provi ċerti artikli dwar il-natura antika tal-użu u tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal magħmul minn “klessidra bil-ġwienaħ”, minn naħa għandu jiġi kkonstatat li, għal uħud, dawn kienu artikli intiżi pjuttost għal pubbliku magħmul minn professjonisti jew, għal oħrajn, artikli intiżi għal qarrejja Svizzeri, mingħajr ma ntwera li dawn kienu effettivament laqtu parti sinjifikattiva mill-pubbliku rilevanti fil-kawża ineżami. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li d-disinn ta’ “klessidra bil-ġwienaħ”, użat storikament, eżegwit b’mod partikolarment iddettaljat, ivarja b’mod notevoli mid-disinn attwalment użat mit-trade mark preċedenti.
126
Fit-tielet lok, għal raġunijiet analogi għal dawk imsemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda bħala li ma ġietx murija l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li mhux biss il-professjonisti, iżda anki l-pubbliku ġenerali kien jaf bil-fatt li kien permezz tad-disinn ta’ “klessidra bil-ġwienaħ” li l-prodotti oriġinali tar-rikorrenti kienu jingħarfu u li huma setgħu jiġu ddifferenzjati mill-prodotti foloz. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tqis li, għal parti kbira tal-pubbliku rilevanti, huwa l-użu stess tal-kelma “longines” fuq il-prodotti li jissodisfa din il-funzjoni.
127
Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ir-rikorrenti ma tistax issostni li huwa permezz tat-trade mark preċedenti “rinomata” li hija tgħaddi lill-konsumaturi diversi messaġġi pożittivi dwar il-prodotti u li din għandha valur awtonomu u distint li jmur lil hinn mill-prodotti li hija tindika fil-klassi 14 b’mod li tolqot ukoll dawk li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25. Fil-fatt, filwaqt li tali reputazzjoni ma tistax tiġi eskluża għal dak li jikkonċerna s-sinjal kumpless użat, minħabba l-preżenza tal-kelma “longines”, l-istess ma jistax jgħodd fir-rigward tat-trade mark preċedenti waħedha.
128
Għaldaqstant, u sa fejn il-Bord tal-Appell illimita ruħu, fl-analiżi tiegħu tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li jikkonstata li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti ma ntwerietx (ara l-punt 96 iktar ’il fuq), ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, għall-ewwel darba, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni (ara l-punti 91 u 92 iktar ’il fuq) humiex issodisfatti jew le, peress li dawn l-allegazzjonijiet ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża preżenti.
129
Minn dan isegwi li t-tieni motiv tar-rikorrenti wkoll għandu jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
130
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
131
Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Compagnie des montres Longines, Francillon SA, hija kkundannata għall-ispejjeż.
Dittrich
Schwarcz
Tomljenović
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Frar 2015.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy