14.4.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 109/29
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2012 — Einhell Germany et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-73/12)
2012/C 109/59
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Einhell Germany AG (Landau an der Isar, il-Ġermanja), Hans Einhell Nederlands BV (Breda, l-Olanda), Einhell France SAS (Villepinte, Franza) u Hans Einhell Oesterreich GmbH (Vienna, l-Awstrija) (rappreżentant: R. MacLean, solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-ammissibbiltà tar-rikors;
—
tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2011) 8831, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 8825, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 8828 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2011) 8810, l-erbgħa li huma deċiżjonijiet tas-6 ta’ Diċembru 2011, sa fejn jagħtu biss rimbors parzjali tad-dazji antidumping imħallsa mir-rikorrenti fuq l-importazzjonijiet ta’ kompressuri magħmula fiċ-Ċina imposti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 261/2008 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 81, p. 1);
—
tordna ż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjonijiet ikkontestati sakemm il-Kummissjoni Ewropea tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ kull sentenza tal-Qorti Ġenerali; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball gravi ta’ evalwazzjoni meta applikat marġni ta’ profitt xieraq u raġjonevoli tal-importatur tal-UE indipendenti sabiex tistabbilixxi l-marġni ta’ dumping rivedut applikabbli għall-importazzjonijiet inkwistjoni, u b’hekk naqset milli tistabbilixxi prezz ta’ esportazzjoni affidabbli għall-fornitur indipendenti fil-kalkolu tal-ammonti korretti għar-rimbors tad-dazji antidumping, liema ċirkustanza wasslet għall-ksur tal-Artikoli 2(9) u 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/2009 (1).
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball gravi ta’ evalwazzjoni meta naqset id-dazji antidumping bħala spiża fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni tal-fornitur indipendenti, u b’hekk naqset milli tistabbilixxi marġni ta’ dumping affidabbli bl-għan li jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping rivedut u l-ammonti korretti għar-rimbors tad-dazji antidumping u dan bi ksur tal-Artikoli 2(9) u (11), u 11(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).
Full & Egal Universal Law Academy