9.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 165/22
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2012 — Shahid Beheshti University vs Il-Kunsill
(Kawża T-120/12)
2012/C 165/38
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Shahid Beheshti University (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: J. M. Thouvenin, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, u
—
tiddikjara d-Deċiżjoni 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, inapplikabbli għar-rikorrenti skont l-Artikolu 277 TFUE, u
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti, u
—
tiddikjara r-Regolament (UE) Nru 961/2010 inapplikabbli għar-rikorrenti skont l-Artikolu 277 TFUE, u
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, u
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti, u
—
tannulla d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2011 indirizzata lir-rikorrenti, u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, li tifforma l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni 2011/299/PESK, kif ukoll ksur tat-trattati u tad-dritt internazzjonali. Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha tiġi kkunsidrata inapplikabbli għar-rikorrenti.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament Nru 961/2010, li jifforma l-bażi ġuridika tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 503/2011. Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 215 TFUE ma jistax jkun il-bażi legali tar-Regolament Nru 961/2010 peress li d-Deċiżjoni 2010/413/PESK, li għandu bħala għan li jimplementa fis-sistema ġuridika interna tal-Unjoni, ma ġietx adottata b’konformità mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE. Ir-Regolament Nru 961/2010 għandu għalhekk jiġi ddikjarat inapplikabbli għar-rikorrenti.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 215 TFUE matul il-proċess ta’ inklużjoni tar-rikorrenti fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 503/2011.
(4)
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur, permezz tad-Deċiżjoni 2011/299/PESK u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 503/2011, tad-drittijiet għad-difiża, ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva, billi l-Kunsill ma osservax id-dritt għal smigħ, l-obbligu ta’ notifika u l-obbligu ta’ motivazzjoni suffiċjenti.
(5)
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(6)
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà.
(7)
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-entitajiet sanzjonati tirriżulta minn żball ta’ fatt, sa fejn ir-rikorrenti ma hijiex, bħala università pubblika mogħnija b’personalità ġuridika mingħajr rappreżentazzjoni tal-Ministeru għad-Difiża u tas-sostenn loġistiku għall-forzi armati fil-korp ta’ tmexxija, miżmuma jew ikkontrollata minn dan il-Ministeru, u lanqas ma hija involuta fir-riċerka xjentifika fuq l-armi nukleari.
Full & Egal Universal Law Academy