9.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 165/29
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2012 — Wünsche Handelsgesellschaft International vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-147/12)
2012/C 165/50
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Wünsche Handelsgesellschaft International mbH & Co KG (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Landry u G. Schwendinger, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 02/09, tas-16 ta’ Settembru [K(2011) 6393 finali];
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 02/09, tas-16 ta’ Settembru 2011 [C(2011) 6393 finali], li permezz tagħha ġie deċiż li ma huwiex iġġustifikat li tingħata maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni f’każ partikolari, li fih ir-rikorrenti importat faqqiegħ ippreservat tat-tip Agaricus miċ-Ċina fis-snin 2004 u 2006.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.
(1)
Ksur tal-Artikolu 220(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità
—
Ir-rikorrenti għandha dubji rigward l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li f’dan il-każ l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi wettqu żball.
—
Mill-inqas, ir-rikorrenti ma setgħetx tinduna b(l-allegat) żball. Ir-rikorrenti, in bona fide u b’esperjenza, ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda negliġenza. Fid-dawl tal-kumplessità tas-sitwazzjoni ġuridika u tal-prassi segwita tul diversi snin mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ir-rikorrenti tinvoka l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.
(2)
Ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità
—
Il-Kummissjoni wettqet żball ġuridiku proċedurali meta rrifjutat b’mod sommarju l-maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni prevista fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità permezz ta’ sempliċi riferiment għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan il-kodiċi, mingħajr evalwazzjoni separata.
—
Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żball ġuridiku sostantiv meta injorat li f’dan il-każ kienu jeżistu ċ-“ċirkustanzi partikolari” imsemmija fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi u li l-kundizzjonijiet għal maħfra skont din id-dispożizzjoni kienu sodisfatti.
(3)
Ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt
—
Barra minn dan, ir-rikorrenti tilmenta li, bid-deċiżjoni li ħadet, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji tad-dritt primarju tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali.
Full & Egal Universal Law Academy