23.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 184/15
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2012 — IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-157/12)
2012/C 184/27
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: IFP Énergies nouvelles (Rueil-Malmaison, Franza) (rappreżentanti: É. Morgan de Rivery u A. Noël-Baron, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 4483 finali, tad-29 ta’ Ġunju 2011, rigward l-Għajnuna mill-Istat Nru C 35/2008 (ex NN 11/2008) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole”;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi, peress li l-Kummissjoni qabżet il-limiti li hija għandha sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku reali għar-rikorrent u għas-sussidjarji tiegħu rregolati mid-dritt privat.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, peress li r-riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għall-Avviż fuq il-garanziji tal-2008 (1) ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex juri l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku.
(4)
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-istabbiliment tal-allegat vantaġġ u tal-intensità tal-preżunta għajnuna mill-Istat.
(5)
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minn naħa, billi l-ħolqien ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) ġie ssuġġettat għal obbligu ta’ notifika minn qabel u, min-naħa l-oħra, billi ġew imposti kundizzjonijiet wisq onerużi.
(1) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10).
Full & Egal Universal Law Academy