14.7.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 209/10
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2012 — Euro-Link Consultants and European Profiles vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-199/12)
2012/C 209/16
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Euro-Link Consultants Ltd (Bucharest, ir-Rumanija) u European Profiles SA (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Ukraina, tat-28 ta’ Frar 2012, ikkontestata f’dan ir-rikors, mogħtija fil-kuntest tal-offerta EuropeAid/131567/C/SER/UA “Proġett ta’ diversifikazzjoni u s-sostenn tat-turiżmu fil-Krimea”; kif ukoll deċiżjonijiet sussegwenti tal-istess awtorità u tad-direttur tad-DĠ Żvilupp tal-Kummissjoni Ewropea mogħtija dwar dan is-suġġett;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżit proċedurali sostanzjali ta’ motivazzjoni, b’enfasi li
—
il-ġurisprudenza u l-leġiżlazzjoni jimponu fuq il-konvenuta d-dmir li telabora b’mod ċar il-vantaġġi tal-offerta magħżula, minflok ma sempliċement tikkontesta l-evidenza mressqa mir-rikorrenti; amministrazzjoni tajba għandha teżamina u tindirizza l-allegazzjonijiet b’mod korrett, l-iktar meta diversi fatturi aggravanti jintensifikaw dan ir-rekwiżit.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżit proċedurali sostanzjali li tosserva l-proċedura applikabbli, b’enfasi li
—
il-proċedura ta’ evalwazzjoni segwita mill-kumitat kienet ivvizzjata b’irregolaritajiet, li l-konvenuta kienet konxja dwarhom u li ma ħadithomx inkunsiderazzjoni qabel ma ppubblikat ir-riżultati. Għalhekk, id-deċiżjonijiet sussegwenti huma illegali, inkwantu dawn huma bbażati fuq ir-riżultat ta’ dawn l-irregolaritajiet.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tat-trattament ugwali u abbuż tal-poter, b’enfasi li
—
il-proċedura illegali kienet applikata biss fil-każ tar-rikorrenti, bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Jidher ukoll li l-uniku skop tal-proċedura illegali kien li r-rikorrenti jiġu eliminati mill-ewwel post tal-lista ta’ evalwazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy