25.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 258/22
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Mejju 2012 — Shannon Free Airport Development vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-200/12)
2012/C 258/41
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Shannon Free Airport Development Co. Ltd (Shannon, l-Irlanda) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tas-Sezzjoni tal-Kuntratti u tal-Finanzi tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Ukraina, tat-28 ta’ Frar 2012, ikkontestata f’dan ir-rikors, mogħtija fil-kuntest tal-offerta EuropeAid/131567/C/SER/UA “Proġett ta’ diversifikazzjoni u s-sostenn tat-turiżmu fil-Krimea”; kif ukoll deċiżjonijiet sussegwenti tal-istess awtorità u tad-direttur tad-DĠ Żvilupp tal-Kummissjoni Ewropea;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżit proċedurali sostanzjali ta’ motivazzjoni, billi:
—
il-ġurisprudenza u l-leġiżlazzjoni jimponu fuq il-konvenuta d-dmir li telabora b’mod ċar il-vantaġġi tal-offerta magħżula, minflok ma sempliċement tikkontesta l-evidenza mressqa mir-rikorrenti; amministrazzjoni tajba għandha teżamina l-veradiċità tagħha u tindirizza l-allegazzjonijiet b’mod korrett, l-iktar meta diversi fatturi aggravanti jintensifikaw dan ir-rekwiżit.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżit proċedurali sostanzjali li tosserva l-proċedura applikabbli, billi:
—
il-proċedura ta’ evalwazzjoni li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni kellu jsegwi kienet ivvizzjata b’irregolaritajiet, li l-konvenuta kienet konxja dwarhom u li ma ħadithomx inkonsiderazzjoni qabel ma ppubblikat ir-riżultati. Għalhekk, id-deċiżjonijiet sussegwenti huma illegali, inkwantu dawn huma bbażati fuq ir-riżultat ta’ dawn l-irregolaritajiet.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tat-trattament ugwali u abbuż tal-poter, billi:
—
il-proċedura illegali kienet applikata biss fil-każ tal-konsorzju li r-rikorrenti kienet tifforma parti minnu, bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Jidher ukoll li l-uniku skop tal-proċedura illegali kien li l-konsorzju tar-rikorrenti jiġi eliminat mill-ewwel post tal-lista ta’ evalwazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy