7.7.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 200/20
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2012 — Elitaliana vs Eulex Kosovo u Starlite Aviation Operations
(Kawża T-213/12)
2012/C 200/40
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Elitaliana SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: R. Colagrande, avukat)
Konvenuti: Eulex Kosovo — European Union Rule of Law Mission (Pristina, ir-Repubblika tal-Kosovo) u Starlite Aviation Operations (Dublin, l-Irlanda)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-provvedimenti ta’ Eulex — ta’ kontenut u data mhux magħrufa mir-rikorrenti — ta’ għoti tal-kuntratt bit-titolu EuropeAid/131516/D/SER/XK — Helicopter Support to the EULEX Mission in Kosovo (PROC/272/11) lill-kumpannija Starlite Aviation Operations, ikkomunikata minn Eulex b’ittra tad-29.3.2012 (li waslet fl-istess data permezz ta’ messaġġ elettroniku) kif ukoll ta’ kwalunkwe att ieħor preżunt, konsegwenti u/jew li huwa konness, u b’mod partikolari, fejn jirriżulta, minn nota 2012-DAS-0392 tas-17.4.2012, li permezz tagħha Eulex ċaħdet lir-rikorrenti l-aċċess għall-atti konnessi mal-kuntratt mitlub fit-2.4.2012;
—
tikkundanna lil Eulex għall-kumpens għad-danni (f’forma speċifika jew b’mod ekwivalenti) favur ir-rikorrenti bil-mod kif speċifikat iktar ’il fuq fil-paragrafi 37 et seq;
—
tikkundanna lil Eulex għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors preżenti huwa intiż prinċipalment kontra l-provvedimenti ta’ Eulex ta’ għoti tal-kuntratt bit-titolu “EuropeAid/131516/D/SER/XK — Helicopter Support to the EULEX Mission in Kosovo (PROC/272/11)” lill-kumpannija Starlite Aviation Operations, kif ukoll ta’ kwalunkwe att ieħor preżunt, konsegwenti u/jew li huwa konness. Ir-rikorrenti titlob f’dan ir-rigward kumpens għad-danni subiti.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur u/jew applikazzjoni ħażina tas-sejħa għall-offerti ppubblikata fit-18.10.2011, b’riferiment ukoll għall-Artikoli 46 et seq tad-Direttiva Nru 18/2004/KE (1); għall-ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ trasparenza, proporzjonalità u ugwaljanza fit-trattament kif previsti mill-“Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali għall-azzjonijiet esterni tal-UE” (Prag) li għaliha l-proċedura kienet suġġetta; kif ukoll għall-ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ ħarsien ta’ kompetizzjoni effettiva fir-rigward tal-istandards previsti għas-servizz li kien sejjer jingħata kuntratt għalih.
Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li l-kuntratt ingħata lil offerent li ma għandux ir-rekwiżiti tekniċi mitluba fis-sejħa għal offerti.
(1) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].
Full & Egal Universal Law Academy