28.7.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 227/25
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2012 — Ntouvas vs ECDC
(Kawża T-223/12)
2012/C 227/42
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Ioannis Ntouvas (Sundbyberg, l-Isvezja) (rappreżentant: E. Mylonas, avukat)
Konvenut: Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (Stokkolma, l-Isvezja)
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tas-27 ta’ Marzu 2012 li tirrifjuta lir-rikorrent aċċess għar-rapporti finali ta’ verifiki mwettqa mill-ECDC mis-Servizz Intern ta’ Verifika tal-Kummissjoni Ewropea.
—
tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali (obbligu ta’ motivazzjoni), bi ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1) u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi:
—
L-appellant ta biss motivazzjoni astratta u ġenerali billi rrifjuta l-aċċess għal kull rapport fil-pussess tiegħu ta’ verifiki magħmula fuq l-ECDC mis-Servizz Intern ta’ Verifika tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk huwa naqas milli jipprova li ma kienx jeżisti interess pubbliku imperattiv fl-iżvelar;
—
Skont ġurisprudenza stabbilita, motivazzjoni għal rifjut ta’ aċċess għal dokumenti għandha tkun konkreta u individwali, kif ukoll speċifika u għandha tiddeskrivi effettivament l-interess eventwali li jipprevali fuq id-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent, filwaqt li jiġi pprovat in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ interess pubbliku imperattiv fl-iżvelar.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati (Artikolu 15(3) TFUE) u ta’ regola ta’ dritt (Regolament (KE) Nru 1049/2001) relatata mal-applikazzjoni tagħhom:
—
Billi naqas milli jimmotiva b’mod xieraq u suffiċjenti r-raġunijiet għalfejn irrifjuta li jiżvela d-dokumenti mitluba, il-konvenut kiser ukoll l-obbligu tiegħu taħt l-Artikoli 2(1) u 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-Artikolu 15(3) TFUE sabiex jagħti aċċess lir-rikorrent għad-dokumenti mitluba fi żmien 15-il jum tax-xogħol mid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu ta’ konferma.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)
Full & Egal Universal Law Academy