28.7.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 227/30
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2012 — Gretsch-Unitas vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-252/12)
2012/C 227/51
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Gretsch-Unitas GmbH (Ditzingen, il-Ġermanja) u Gretsch-Unitas GmbH Baubeschläge (Ditzingen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H.-J. Hellmann, C. Malz u S. Warken, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Marzu 2012, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.452 — Mekkaniżmi ta’ ftuħ għal twieqi u għal bibien tal-ħġieġ), notifikata lir-rikorrenti fit-3 ta’ April 2012, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.
(1)
L-ewwel nett, il-konvenuta ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u għalhekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE li jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali.
(2)
It-tieni nett, fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-konvenuta ttrattathom b’mod differenti meta mqabbla mal-impriżi l-oħra kkonċernati, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, u għalhekk kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
(3)
It-tielet nett, il-konvenuta wettqet żball fil-kuntest tal-iffissar tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, billi kkalkolat b’mod ineżatt il-livell tat-tnaqqis tal-multa tar-rikorrenti bħala l-ewwel impriża li pprovdiet provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv. Hija lanqas ma mmotivat biżżejjed, skont il-liġi, il-mod kif hija kkalkolat il-livell tat-tnaqqis tal-multa għar-rikorrenti bħala l-ewwel impriża li pprovdiet provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv.
(4)
Ir-raba’ nett, fid-determinazzjoni tat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-konvenuta kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, billi hija ma tat l-ebda kumpens għall-vantaġġ kompetittiv li minnnu tibbenefika Siegenia minħabba fis-sitwazzjoni ekonomika tagħha.
(5)
Il-ħames nett, id-deċiżjoni tal-konvenuta, fid-determinazzjoni tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, hija żbaljata fid-dawl tal-gravità tal-ksur.
(6)
Is-sitt nett, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fid-determinazzjoni tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-konvenuta naqset milli tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-parteċipazzjoni manifestament iktar limitata tagħhom fil-prattiki li huma rilevanti fid-dawl tad-dritt dwar kartell.
(7)
Is-seba’ motiv, li s-sistema ta’ multa imposta mill-konvenuta tikser, fl-intier tagħha, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet u li għalhekk hija illegali.
Full & Egal Universal Law Academy