11.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/27
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2012 — Central Bank of Iran vs Il-Kunsill
(Kawża T-262/12)
2012/C 243/48
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Central Bank of Iran (Tehran, l-Iran) (rappreżentant: M. Lester, Barrister)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012 (1), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012 (2), sa fejn dawn il-miżuri adottati f’dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
(1)
L-ewwel motiv jallega li l-konvenut żbalja b’mod manifest meta qies li l-kriterji għat-tniżżil fil-lista li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 ġew issodisfatti.
(2)
It-tieni motiv jallega li l-konvenut naqas milli jagħti raġunijiet adegwati u suffiċjenti sabiex jinkludi lir-rikorrent fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.
(3)
It-tielet motiv jallega li l-konvenut naqas milli jissalvagwardja d-drittijiet ta’ difiża u ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-rikorrent.
(4)
Ir-raba’ motiv jallega li l-konvenut kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tal-proprjetà u reputazzjoni tiegħu.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 19, p. 22)
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2010, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy