11.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/30
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2012 — Makro autoservicio mayorista vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-269/12)
2012/C 243/52
Lingwa tar-rikors: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Makro autoservicio mayorista, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: P. De Baere u P. Muñiz, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COM (2010) 22 finali, tat-18 ta’ Jannar 2010, li tikkonstata li d-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa ġġustifikat u li l-maħfra ta’ dawn id-dazji ma hijiex iġġustifikata f’każ partikolari (REM 2/08), innotifikata lir-rikorrenti b’ittra tad-19 ta’ April 2012; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
(1)
L-ewwel motiv:
—
id-dazji fuq l-importazzjoni ddaħħlu fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), peress li l-konvenuta bi żball ikkunsidrat li l-miżuri antidumping adottati kontra importazzjonijiet minn pajjiżi terzi japplikaw awtomatikament għal merkanzija li tiċċirkola liberament fl-unjoni doganali UE-Turkija, u bħala riżultat, il-konvenuta bi żball naqset milli tinforma lin-negozjanti li r-regolament antidumping ikkonċernat kien japplika wkoll għal merkanzija li tiċċirkola liberament fl-unjoni doganali UE-Turkija. Alternattivament, l-awtoritajiet Torok wettqu żball meta kkonfermaw li d-dazji antidumping imposti fuq merkanzija minn pajjiżi terzi ma kinux applikabbli għal merkanzija li tiċċirkola liberament fl-unjoni doganali UE-Turkija. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-awtoritajiet doganali Spanjoli wkoll wettqu żball peress li ppreżumew li merkanzija li kellha magħha ċertifikat ta’ oriġini ma setgħetx tiġi suġġetta għal dazji addizzjonali jew għal miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, u naqsu milli jinfurmaw lill-operaturi ekonomiċi li l-importazzjonijiet tagħhom mit-Turkija setgħu jkunu suġġetti għal miżuri relatati mal-kummerċ, anki jekk din il-merkanzija kienet tiċċirkola liberament.
(2)
It-tieni motiv:
—
l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet doganali kompetenti ma setax raġonevolment jinstab mill-persuna li kellha r-responsabbiltà għall-ħlas, li aġixxiet in bona fide u fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali.
(3)
It-tielet motiv:
—
ir-rikorrenti tinsab f’sitwazzjoni partikolari fir-rigward tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u li ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lir-rikorrenti skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).
Full & Egal Universal Law Academy