11.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/32
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ġunju 2012 — FIS’D vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-283/12)
2012/C 243/57
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: FIS’D — Formazione integrata superiore del design (Catanzaro, l-Italja) (rappreżentanti: S. Baratti u A. Sodano, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tilqa’ t-talbiet mressqa għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u/jew għal miżuri istruttorji;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż
Motivi u argumenti prinċipali
Is-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-12 ta’ April 2012, Ref. Ares(2012)446225, li tiċħad l-azzjoni amministrattiva mressqa mir-rikorrenti, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, tad-19 ta’ Diċembru 2002, kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, tat-13 ta’ Jannar 2011, “Termination of the Framework Partnership Agreement 2011-0181, Erasmus Mundus Masters Course in City Regeneration”, li temmet qabel żmienu il-Ftehim Qafas ta’ sħubija 2011-0181, konkluż fil-kuntest tal-programm Erasmus Mundus 2009-2013.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur ta’ liġi fil-forma ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni
—
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tosserva li fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-emenda għall-proġett reCity Erasmus Mundus Master Course ippreżentata mill-Università degli Studi “Mediterranea” di Reggio Calabria, tal-21 ta’ Diċembru 2011, f’isem konsorzju differenti mill-konsorzju oriġinali, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura kienet kisret manifestament kemm it-Taqsimiet II.A.1 u II.B.4 tal-Administrative and Financial Handbook, li jifforma parti integrali mill-ISpecific Grant Agreement anness mal-Framework Partnership Agreement kif ukoll l-Artikolu II.12.3 tal-Framework Partnership Agreement.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ liġi fil-forma ta’ żball ta’ evalwazzjoni
—
F’dan ir-rigward huwa speċifikat li l-Kummissjoni kellha tosserva li d-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, li tawtorizza l-estensjoni tal-ISpecific Grant Agreement għall-issussidjar tal-masters li kienu diġà bdew, abbażi tal-proġett il-ġdid ippreżentat mill-Università degli Studi “Mediterranea” di Reggio Calabria, tal-21 ta’ Diċembru 2011, li kellu jiġi eżegwit minn konsorzju differenti mill-konsorzju oriġinali, hija vvizzjata bi ksur manifest tal-Artikoli I.3 u II.12.3 tal-Framework Partnership Agreement, b’abbuż ta’ poter u, b’mod partikolari, bi żnaturament, bi ksur tar-rekwiżiti sostanzjali, b’nuqqas ta’ loġika, b’kontradizzjonijiet u b’motivazzjoni insuffiċjenti.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur ta’ liġi fil-forma ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni
—
F’dan ir-rigward huwa speċifikat li l-Kummissjoni kellha tosserva li d-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, li ttemm il-Framework Partnership Agreement u li tawtorizza l-estensjoni tal-ISpecific Grant Agreement għal proġett li f’dak li jirrigwarda l-konsorzju u l-kontenuti kien differenti minn dak li pparteċipa fis-sejħa għal selezzjoni, hija vvizzjata bi ksur u b’applikazzjoni żbaljata tal-Anness I tal-Framework Partnership Agreement, b’abbuż ta’ poter u, b’mod partikolari, bi żnaturament, bi ksur tar-rekwiżiti sostanzjali, b’nuqqas ta’ loġika, bi ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipji korollarji ta’ bona fide, ta’ trasparenza, ta’ imparzjalità u ta’ proporzjonalità, kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi.
Full & Egal Universal Law Academy