1.12.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 373/10
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2012 — L-Awstrija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-427/12)
2012/C 373/16
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentanti: C. Pesendorfer, bħala aġent, assistit minn M. Windisch)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Artikolu 1(1)(d) flimkien mal-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-25 ta’ Lulju 2012, fil-każ dwar għajnuna mill-Istat SA.28487 (C 16/2009, ex N 254/2009), fejn jingħad li l-garanzija finanzjarja mogħtija mill-Awstrija lil Bayerische Landesbank hija għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija favur Bayerische Landesbank fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u hija kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-impenji stabbiliti fl-Annessi I u III u bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II, kif ukoll
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
(1)
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li hija ma nstemgħetx mill-konvenuta qabel ma din ikklassifikat il-miżura implementata mir-rikorrenti bħala għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kellha ebda opportunità sabiex tippreżenta l-kontenut legali attwali tal-arranġament u sabiex tindirizza bidliet sussegwenti fil-fatti li jikkaratterizzaw dan il-każ.
(2)
It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, ma pprovdietx motivazzjoni sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u lanqas sabiex tispjega għalfejn din l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-persuni interessati ma jistgħux jidentifikaw il-bażi li fuqha kien adottat dan l-att legali u l-qrati tal-Unjoni Ewropea ma jsitgħux jeżerċitaw l-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom.
(3)
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE
Ir-rikorrenti ssostni li l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern tikser l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tispjega li ebda remunerazzjoni bir-rati tas-suq ma hija mħallsa fir-rigward tal-miżura inkwistjoni u li din il-miżura ma għandha ebda impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja jew is-self mill-bank fl-Istat Membru li qiegħed jimplementa din il-miżura (f’dan il-każ l-Awstrija), u li, b’mod iktar partikolari, ir-Repubblika tal-Awstrija ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita kontroll adegwat fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-osservanza tal-għanijiet li setgħu ġew stabbiliti.
(4)
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 125 TFEU
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 125(1) TFUE, Stat Membru ma għandux ikun responsabbli għal u lanqas ma għandu jassumi l-obbligi tal-gvernijiet ċentrali jew tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, sa fejn dan ikun il-konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tallega li hemm ksur tal-Artikolu 125 TFUE.
(5)
Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tar-rikorrenti
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qiegħda tevalwa sitwazzjoni li fil-fatt ma seħħetx b’dan il-mod. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tmur lil hinn mill-poteri tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy