2.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/21
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2012 — Spirlea vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-518/12)
2013/C 32/33
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Darius Nicolai Spirlea (Capezzano Pianore, l-Italja) u Mihaela Spirlea (Capezzano Pianore) (rappreżentanti: V. Foerster u T. Pahl, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tilqa’ r-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE;
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
tiddikjara r-rikors fondat u tikkonstata li l-konvenuta kisret il-forom proċedurali sostanzjali u diversi dispożizzjonijiet tad-dritt materjali;
—
tannulla, fuq din il-bażi, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2012 li permezz tagħha l-konvenuta għalqet l-proċedura pilota tal-Unjoni Ewropea Nru 2070/11/SNCO (referenza Ares (2012) 1135073);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
(1)
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ħolqien ta’ proċedura pilota tal-Unjoni mingħajr l-ebda bażi legali (Artikoli 290 u 291 TFUE)
—
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-introduzzjoni tal-proċedura pilota tal-Unjoni kellha l-effett li tistabbilixxi kundizzjoni proċedurali supplementari li ma hijiex prevista fl-Artikolu 258 TFUE. Il-Kummissjoni tagħmel użu minn din il-kundizzjoni proċedurali fil-kuntest ta’ proċedura illegali u mhux trasparenti, b’tali mod li tikkawżha żnaturament tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE, u dan filwaqt li ma għandha l-ebda awtorità jew delega sabiex tagħmel dan taħt it-Trattati tal-Unjoni Ewropea.
(2)
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Marzu 2002, indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fir-rigward ta’ ksur tal-liġi Komunitarja (1)
—
Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni b’mod arbitrarju ma kkunsidratx il-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fir-rigward ta’ ksur tal-liġi Komunitarja u li ttrattat l-ilment tagħhom skont il-proċedura pilota tal-Unjoni, u dan meta r-rikorrenti ma kellhomx għarfien dwar ir-regoli tagħha.
(3)
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
—
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jispjegawx il-fatti fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1394/2007 (2), u ma jeżaminawx l-ilmenti speċifiċi tar-rikorrenti b’rabta mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
(1) ĠU C 244, p. 5.
(2) Regolament (KE) Nru 1394/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 324, p. 121).
Full & Egal Universal Law Academy