24.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 421/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Settembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tartu Ringkonnakohus – l-Estonja) – AS Baltic Agro vs Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus
(Kawża C-3/13) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Antidumping - Regolament (KE) Nru 661/2008 - Dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja - Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni - Artikolu 3(1) - L-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni - Akkwist tal-fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju minn kumpannija intermedja - Rilaxx tal-merkanzija - Talba għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali - Deċiżjoni 2008/577/KE - Kodiċi Doganali - Artikoli 66 u 220 - Żball - Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Artikolu 251 - Verifika a posteriori))
2014/C 421/08
Lingwa tal-kawża: l-Estonjan
Qorti tar-rinviju
Tartu Ringkonnakohus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: AS Baltic Agro
Konvenuta: Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008, tat-8 ta’ Lulju 2008, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija stabbilita fi Stat Membru li xtrat nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja permezz ta’ kumpannija oħra stabbilita wkoll fi Stat Membru, bil-għan tal-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea, ma tistax titqies bħala l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għaldaqstant ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping definittiv stabbilit mir-Regolament Nru 661/2008 għal dan in-nitrat tal-ammonju.
2)
L-Artikoli 66 u 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux li awtorità doganali iddaħħal entrata fil-kotba a posteriori ta’ dazju antidumping meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tressqu talbiet għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali minħabba li l-indikazzjoni tad-destinatarju msemmija fihom kienet żbaljata u meta din l-awtorità aċċettat dawn id-dikjarazzjonijiet jew wettqet verifika wara li rċeviet dawn it-talbiet.
3)
L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, u l-Artikolu 251 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 312/2009, tas-16 ta’ April 2009, huma konformi mad-dritt fundamentali għal ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-każ fejn, fil-kuntest tat-tariffa doganali komuni msemmija fl-Artikoli 28 TFUE u 31 TFUE, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, u tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 312/2009, ma jippermettux l-invalidazzjoni, fuq talba, ta’ dikjarazzjoni doganali żbaljata u għaldaqstant l-għoti tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju antidumping lid-destinatarju li seta’ jibbenefika minnu kieku dan l-iżball ma sarx.
(1) ĠU C 63, 02.03.2013.
Full & Egal Universal Law Academy