3.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 363/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Settembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Berlin – il-Ġermanja) – Daniel Unland vs Land Berlin
(Kawża C-20/13) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 2000/78/KE - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) - Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età - Salarju bażiku tal-imħallfin - Sistema tranżitorja - Riklassifikazzjoni u progress sussegwenti - Twettiq ta’ differenza fit-trattament - Ġustifikazzjonijiet))
(2015/C 363/02)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Berlin
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Daniel Unland
Konvenut: Land Berlin
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
2)
L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li s-salarju bażiku ta’ mħallef jiġi stabbilit, fil-mument tal-ħatra tiegħu, esklużivament skont l-età tiegħu.
3)
L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ riklassifikazzjoni, fi ħdan sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, ta’ mħallfin fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, billi tipprovdi li l-iskala ta’ salarju li issa għandha tapplika għalihom għandha tiġi ddeterminata esklużivament fuq l-ammont ta’ salarju bażiku li huma kienu jirċievu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni preċedenti, minkejja li din is-sistema kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-imħallef, sa fejn id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni ta’ drittijiet kweżiti.
4)
L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ progress ta’ mħallfin fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, u li tipprovdi li, b’effett minn ċerta skala, l-imħallfin li jkunu laħqu ċerta età fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida jkunu jibbenefikaw minn progress iktar mgħaġġel minn dak previst għall-imħallfin li kienu iżgħar fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, sa fejn id-differenza fit-trattament implikata minn din il-liġi tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.
5)
F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix li jingħata retroattivament lill-imħallfin diskriminati ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni effettivament imħallsa u dik li tikkorrispondi għall-iskala l-iktar għolja tal-grad tagħhom.
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja humiex issodisfatti sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titqies li hija responsabbli.
6)
Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tinvoka dritt għal ħlas finanzjarju li ma jirriżultax direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja, jekk din ir-regola la tkun tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il-prinċipju ta’ effettività. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.
(1) ĠU C 86, 23.03.2013.
Full & Egal Universal Law Academy