10.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 395/17
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Settembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus – il-Finlandja) – proċedura mibdija minn X
(Kawża C-318/13) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 79/7/KEE - Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali - Assigurazzjoni għal ħaddiema impjegati fil-każ ta’ inċident - Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għal dannu permanenti - Kalkolu attwarjali bbażat fuq aspettattiva tat-tul tal-ħajja medja skont is-sess tal-benefiċjarju tal-imsemmi kumpens - Ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt tal-Unjoni))
2014/C 395/20
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein hallinto-oikeus
Parti fil-kawża prinċipali
X
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-kalkolu ta’ benefiċċju soċjali statutorju mħallas minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, l-applikazzjoni, bħala fattur attwarjali, tad-differenza fl-aspettattiva tal-ħajja bejn l-irġiel u n-nisa, meta l-applikazzjoni ta’ dan il-fattur twassal sabiex il-kumpens imħallas f’daqqa abbażi tal-imsemmi benefiċċju jkun inferjuri, meta dan jingħata lil raġel, għal dak li tirċievi mara tal-istess età li tkun tinsab f’sitwazzjoni simili.
2)
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ksur “suffiċjentement ikkaratterizzat” tad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fattur ibbażat fuq l-aspettattiva tal-ħajja medja skont is-sess waqt id-determinazzjoni ta’ benefiċċju mħallas abbażi ta’ skema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7. Il-qorti tar-rinviju hija mfakkra wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fakultà mogħtija lill-Istati Membri mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li jimmanifesta ruħu fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplementa l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, kif ukoll fl-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti hija mfakkra li tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-1 ta’ Marzu 2011 (C-236/09, EU:C:2011:100), li l-ewwel waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet hija invalida, peress li din tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa.
(1) ĠU C 233, 10.08.2013.
Full & Egal Universal Law Academy