24.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg – il-Ġermanja) – H.T. vs Land Baden-Württemberg
(Kawża C-373/13) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja - Fruntieri, ażil u immigrazzjoni - Direttiva 2004/83/KE - Artikolu 24(1) - Regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - Revoka tal-permess ta’ residenza - Kundizzjonijiet - Kunċett ta’ “raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika” - Parteċipazzjoni ta’ persuna li għandha l-istatus ta’ refuġjat f’attivitajiet ta’ organizzazzjoni li tinsab fil-lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi stabbilita mill-Unjoni Ewropea))
(2015/C 279/05)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: H.T.
Konvenut: Land Baden-Württemberg
Dispożittiv
1)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandha tiġi interpretata fis-sens li permess ta’ residenza, ladarba mogħti lil refuġjat, jista’ jiġi rrevokat, jew skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, meta jkunu jeżistu raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew skont l-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva meta jkunu jeżistu raġunijiet sabiex tiġi applikata d-deroga għall-prinċipju ta’ non-refoulement prevista fl-Artikolu 21(2) ta’ din l-istess direttiva.
2)
Is-sostenn lil assoċjazzjoni terrorista inkluża fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jista’ jikkostitwixxi waħda mir-“raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, anki jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21(2) tagħha ma jkunux issodisfatti. Sabiex permess ta’ residenza mogħti lil refuġjat ikun jista’ jiġi rrevokat abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, minħabba li dan ir-refuġjat isostni tali assoċjazzjoni terrorista, l-awtoritajiet kompetenti għandhom madankollu, taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jagħmlu evalwazzjoni individwali tal-elementi ta’ fatt speċifiċi relatati mal-azzjonijiet kemm tal-assoċjazzjoni kif ukoll tar-refuġjat ikkonċernati. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jneħħi refuġjat li l-permess ta’ residenza tiegħu jkun ġie rrevokat, iżda jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, huwa inkompatibbli mal-imsemmija direttiva li jiġi mċaħħad mill-aċċess għall-vantaġġi ggarantiti mill-Kapitolu VII tagħha, sakemm ma tkunx tapplika eċċezzjoni espressament prevista minn din l-istess direttiva.
(1) ĠU C 325, 9.11.2013.
Full & Egal Universal Law Academy