20.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 236/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Mejju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona – Spanja) – Andrés Rabal Cañas vs Nexea Gestión Documental SA, Fondo de Garantia Salarial
(Kawża C-392/13) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Tkeċċijiet kollettivi - Direttiva 98/59/KE - Kunċett ta’ “stabbiliment” - Modalitajiet ta’ kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema mkeċċija))
(2015/C 236/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social no33 de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Andrés Rabal Cañas
Konvenuti: Nexea Gestión Documental SA, Fondo de Garantia Salarial
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi, bħala unika unità ta’ referenza, l-impriża u mhux l-istabbiliment, meta l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jkollha bħala konsegwenza li tostakola l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva, filwaqt li, kieku ġie użat l-istabbiliment bħala unità ta’ riferiment, it-tkeċċijiet ikkonċernati kienu jridu jiġu kklassifikati bħala “redundancies kollettivi” fid-dawl tad-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmija direttiva.
2)
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-fini li jiġi kkonstatat li “redundancies kollettivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, seħħu, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, fil-każ li dawn it-terminazzjonijiet iseħħu fid-data ta’ skadenza tal-kuntratt jew fid-data li fiha jkun twettaq dak il-kompitu.
3)
L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ redundancies kollettivi mwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, ma huwiex neċessarju li l-kawża ta’ dawn ir-redundancies kollettivi tirriżulta mill-istess kuntest ta’ reklutaġġ kollettiv għall-istess żmien jew l-istess kompitu.
(1) ĠU C 260, 07.09.2013.
Full & Egal Universal Law Academy